Meta jiġi r-riħ tagħha

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Ir-riħ! Jaffettwa lil kulħadd. Meta jkun riħ fuq ħa nsafru u nkantaw. Ħa nitbissmu imqar lill-ġebel! U niċċajtaw b’kollox. Imma meta nkun bir-riħ isfel aħjar tiskartani. Għax nidħol fit-tridijiet! Fin-novena! U fil-kwindiċina!

Ir-riħ ma jaffettwax biss lill-karattri tagħna. Huma kif inhuma. Magħmula jew imfattra mill-esperjenzi u t-tfulija li tlajna fiha. Ir-riħ jaffettwa wkoll il-ġrieħi li nġorru. Ħa nfakkrek ftit. Titfakar meta ħbatt irkupptejk? Kienet liema kienet? Meta jiġi r-riħ tagħha kemm tweġġgħek hux! L-istess dik l-id li kont fekkikt. Ommi Mà! Tfakkarnix x’uġiegħ! Kemm inweġġa’ kull darba li l-uġiegħ jagħtini fiha!

Issa dan huwa l-uġiegħ fiżiku. Aħseb u ara dak emozzjonali u spiritwali! Meta, ngħidu aħna, għalxejn b’xejn, qlajt ċamata. U t-tort ma kienx tiegħi! Inkella meta qalgħu xi ħaġa fuqi. Biex imbagħad kelli niskopri li min qala’ il-qlajja’ sempliċiment għer. Għax, miskin, tant kemm hu mdejjaq bih innifsu li ma jistax joqgħod jekk ma jgħirx! Jekk ma jħossux aħjar minni u minnhekk! Imbagħad l-istorja fiha l-biċċa l-oħra! Min ġagħlni nbati? Inweġġa’? Xi ħadd li ma kontx nistennieha minnu! Lanqas f’elf sena!

Is-salm 55 iqaxxar din ir-rejaltà meta jgħid: “M’huwiex xi għadu dak li jċanfarni; li kien hekk, kont nissaporti. M’hux xi wieħed kontrija dak li jkasbarni; li kien hekk, kont ninħeba minnu. Imma int, wieħed bħali, sieħbi u ħabib tal-qalb, li kont nitgħaxxaq nitkellem miegħek, ħaġa waħda konna nkunu fid-dar ta’ Alla” (Salm 55:13-15).

Imma issa ejja ma nnefuhiex aktar milli hi. L-għaliex minflok okkażjoni ta’ ġid u fejqan aktar se issir waħda ta’ ħsara u dnewwa. Il-ħajja hija dejjem bħal xabla taqta’ minn żewġt ixfar. Għaliex qed nagħmel għaġeb l-għaliex xi ħadd, kien min kien, ittradieni? Mela insejt kemm nittraddixxi jiena wkoll? L-għaliex qed ngħid man-nies x’għamilli dak jew dik? Mela insejt kemm weġġajt nies jiena wkoll? Issa, b’dan il-ħsieb f’moħħi, aktar għandi ċans inħalli lil qalbi tiġi edukata. L-għaliex bħalma hu uman li meta xi ħadd joqrosni ngħid ajma! u aħħ! daqstant ieħor hu uman jekk nitgħallem naħfer. Le! Jekk ma naħfirx ma nibqax aktar bniedem! Nitlef id-dinjità tiegħi! Inbaxxi lili nnifsi u nsir annimal lest biex iqatta’ u jitqatta’.

Imma, l-għaliex bniedem, jiena msejjaħ naħfer. Nagħder. Nikkumpatixxi. Nifhem. L-għaliex jiena stess mhux biss nixtieq imma għandi bżonn inkun maħfur. Magħdur. Mifhum. Issa veru bdejna nirraġunaw sieħbi! Tgħidli: “Imma naħfer diffiċli!” U int min qallek li l-aqwa affarijiet fil-ħajja m’humiex diffiċli? Imma huma dawn l-affarijiet li jagħmluna nies li nistgħu ngħixu ta’ nies! L-għaliex dawn l-affarijiet jgħinuna nħarsu lejn ħajjitna mhux bħala dritt imma bħala rigal! Jekk nibqgħu ngħixu bil-kultura tad-dritt aħna l-aktar nies imsejkna li hawn f’wiċċ id-dinja. U jekk ma nibqgħux ngħixu nagħmlu pjaċir lilna nfusna u lil ta’ madwarna. Imma jekk ngħixu fil-kultura fejqana li kulma għandna huwa rigal mill-Mulej għalina aħna nies rikonoxxenti! U mberkin aħna u dawk li ngħixu magħhom! Qed tara? Mhiex kustjoni ta’ raġunar stupend tal-moħħ li għandu dejjem kantunieri vojta u bla tama imma kustjoni tal-ispirtu. Tal-maħfra! Tal-Ispirtu s-Santu! Li waħdu jagħti l-ħajja!

Mela, jekk bil-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla jirnexxieli naħfer, huwa normali li nerġa’ niftakar x’għamluli? Iva. Minħabba li l-moħħ uman tagħna huwa dgħajjef ġieli jiġri li jiffissa fuq il-weġgħa. Imma x’nagħmel f’dak il-każ? Se nfakkrek f’kelma ta’ xi Ħadd li fuqu biss tista’ veru torbot! “Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx” (Ġer 31:34). Mela dur lejn dan ix-xi Ħadd, il-Mulej, biex ifejjaqlek il-weġgħa biex terġa’ taħfirlu u taħfrilha. Meta terġa’ tiftakar fih, fiha jew fihom li weġġgħuk għidlu minn qalbek: “Mulej, noffrilek b’imħabba lil … Bierku. Qaddsu. Fejqu fir-ruħ u fil-ġisem. Jien nagħtik il-memorja tal-weġgħa li ġarrabt mingħandu u int agħtini l-paċi tiegħek f’moħħi u f’qalbi”.

Ir-riżultat issir tafu meta tieħu din il-mediċina. Li hemm sabiħ hu li meta tiġik ir-riħ tal-weġgħa issa taf x’għandek tagħmel!

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading