BEJN TERĠA’ LURA U TMUR LEJN L-ORIĠNI

Print Friendly, PDF & Email

Fr Paul Fenech – Viċi President tal-OISĊPE

L-istorja qatt ma terġa’ lura, u jkun bla sens li wieħed jimmaġina kif il-Knisja tista’ qatt terġa’ lura lejn żminijiet tal-passat.  Dak li tfittex li tagħmel il-Knisja minn żmien għall-ieħor huwa dak li tmur lura lejn l-oriġini tagħha, li teġġedded skont l-Ispirtu ta’ Kristu.

DunPawlFenechDin kienet waħda mill-ideat espressi waqt il-ġurnata ta’ studju u riflessjoni, nhar it-Tlieta 10 ta’ Novembru 2015, fl-awla Giovanni Paolo II tal-Universita’ Della Santa Croce, f’Ruma.  Madwar 500 ruħ attendew għal din l-attivita’ organizata mill-Kunsill Pontifiċju għal-Laiċi fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mit-tnehdija tad-Digriet tal-Konċilju Vatikan II tal-Apostolican Actuositatem, dwar is-sejħa u l-missjoni tal-lajċi.

Fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu kien hemm żewġ konferenzi.  L-ewwel waħda saret minn Fr Philip Goyret, professur tal-ekklesjoloġija dwar l-elementi ġodda fit-tagħlim tal-Konċilju dwar il-lajċi.  Huwa semma’ diversi:  il-fatt illi l-appostolat ma baqgħax aktar l-attivita’ esklussiva tal-ġerarkija;  għalhekk, fil-waqt li għall-Konċilju Vatikan I, il-lajċi kienu l-oġġett tal-appostolat, għall-Vatikan II huma wkoll is-suġġett tal-appostolat;  dan ifisser illi m’għadniex aktar inħarsu lejn il-lajċi fid-dinja bħala l-id imtawla tal-isqfijiet u s-saċerdoti;  iġifieri, il-ħidma tal-lajċi biex ibiddlu d-dinja minn ġewwa hija ikkonsidrata wkoll bħala l-ħidma tal-Knisja.

It-tieni konferenza kienet maqsuma bejn Fr Arturo Cattaneo, professur tat-teoloġija f’Lugano, li tkellem dwar l-iżvilupp tat-teoloġija dwar il-lajċi f’dawn l-aħħar ħamsin sena;  u l-Professur Guzmán M. Carriquiry Lecour, li huwa l-Viċi President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina.  L-ewwel wieħed osserva kif, għalkemm il-Konċilju qajjem entusjażmu kbir fost il-lajċi u fost l-istudjużi tat-teoloġija fejn jidħol il-lajkat, id-dokument Apostolican Actuositatem baqa’ wieħed mill-inqas magħruf mis-sittax-il dokument tal-Konċilju.  Fil-fatt, huwa biss riċenti illi ikun hawn interess f’dak li jgħid dan id-dokument.  Interessanti kif wieħed mill-frott ta’ dan id-Digriet, frott illi lanqas kien previst, sorprisa tal-Ispirtu s-Santu, huma l-movimenti ġodda li qamu fil-Knisja fejn il-lajċi huma il-protagonisti.  It-tieni wieħed, illi kien l-uniku lajk fost il-kelliema, taqta’ dawk illi taw esperjenzi personali qawwija, beda biex wera kif ir-riforma protestanta qajmet tensjoni bejn is-saċerdozju ministerjali u s-saċerdozju komuni;  u kif il-kultura moderna qajmet tensjoni bejn id-drittijiet tal-bniedem u, biex ngħidu hekk, id-drittijiet ta’ Alla.  Bħala lajk, Carriquiry tkellem b’passjoni kbira dwar il-lajċi fil-Knisja.  Huwa wera kif l-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici tal-Papa San Ġwann Pawlu II, huwa l-aktar dokument importanti li jittraduċi fil-prattika it-tagħlim tal-Konċilju fejn jidħlu il-laiċi.  Huwa qal illi l-lajċi wkoll huma msejħa biex ikunu “Kristu ieħor”, biex jagħmlu mill-ħajja tagħhom ħajja li tixbaħ lil dik ta’ Kristu.  Fil-fatt, huwa innota kif f’dawn l-aħħar snin, fil-laqgħat li l-Papa Franġisku ikollu mall-movimenti ġodda ta’ wara l-Konċilju, huwa dejjem iħeġġiġhom biex iħarsu il-freskezza tal-kariżma tagħhom.  Dan nista’ nikkonfermah jiena stess bid-diskors li għamel propju xahrejn ilu, meta iltaqa’ ma’ folla kbira ta’ membri taċ-Ċelloli ta’ Evanġelizzazzjoni, u qalilna:  nitlobkom ma tinsewx li l-Istatuti jgħinu biex wieħed jimxi fit-triq il-ġusta, iżda li hi l-kariżma li tagħmel l-opra!  Nitlobkom toqogħdu attenti li ma titilfux il-kariżma biex tħarsu l-Istatuti!”

Wara nofs inhar il-Kardinal Robert Sarah, il-Prifett tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-dixxiplina tas-Sagramenti, tkellem dwar ir-rwol tal-lajċi quddiem l-isfidi tal-bniedem illum.  Wara d-diskors tiegħu reġa’ tqajjem il-punt illi kemm-il darba ġie diskuss matul il-ġurnata kollha, jekk il-post tal-appostolat tal-lajċi, mhux f’isem il-Knisja u l-ġerarkija imma bħala Knisja huma wkoll u min-natura tagħhom bħala mgħammdin, huwiex limitat biss għall-ambjent ta’ barra l-Knisja (fid-dinja) jew hux ukoll fil-Knisja, iġifieri f’dak li huwa żvilupp dottrinali, parteċipazzjoni fil-liturġija u sehem fit-tmexxija tal-Knisja.  Forsi din hija l-isfida li għandha l-Knisja (mhux biss il-lajċi) illum, ħamsin sena wara l-Konċilju, fejn jidħlu l-lajċi.

Mit-testimonjanzi illi taw erba’ lajċi, żewġ nisa u żewġt irġiel, fl-aħħar sessjoni ta’ din il-ġurnata, jidher ċar il-bieb kbir li fetaħ il-Konċilju għall-fidili lajċi, u l-mod sabiħ, kompetenti u kuraġġus illi bih il-lajċi Nsara qed jaħtfu l-opportunita’ biex ikunu il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  Kienu erba’ lajċi magħżula apposta, minn oqsma differenti tal-ħajja u l-mod responsabbli illi bih qed jagħtu xhieda għall-Ġesu’ Kristu fid-dinja tal-familja u l-isfida għad-difiża tal-ħajja, u fil-mezzi tax-xandir;  fil-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ il-membri futuri tas-soċjeta’ ta’ għada;  fil-promozzjoni umana quddiem il-foqra l-ġodda tallum, bħalma huma l-vittmi tal-kriżijiet ekonomiċi, tal-isfruttament taż-żgħażagħ bil-kummerċ tad-droga u tas-sess, kif ukoll tal-gwerer ċivili biċ-ċaqliq ta’ miljuni ta’ nies fl-emigrazzjoni;  kif ukoll fid-dinja komplessa li jsibu ruħhom fiha il-lajċi Nsara fid-dinja tal-politika.  Kienu erba’ testimonjanzi illi żgur imlew lill-parteċipanti kollha f’din il-ġurnata ta’ studju dwar il-lajċi b’kuraġġ kbir.  Mhux biss, imma Costanza Miriano (ġurnalista li tiddefendi l-ħajja quddiem l-isfidi li għaddejja minnhom l-Italja llum fejn jidħlu liġijiet jaħarqu bħal dawk tal-“gender”, tal-kiri tal-ġuf, u l-adozzjonijiet minn koppji gay), Franco Membrini (wieħed mill-aqwa kummentaturi tad-Divina Comedia ta’ Dante u edukatur), Michel Roy (Segretarju Ġenerali tal-Caritas Internationalis), u Paola Binetti (membru tas-Senat u tal-Parlament Taljan) urew kemm meta l-lajċi jinagħtaw l-ispazju, jintwerew fiduċja u jitħallew jaġixxu skont kif imexxihom l-Ispirtu s-Santu li rċevew fil-Magħmudija, jafu juru il-Wiċċ jiddi ta’ Kristu u s-sbuħija tas-Saltna Tiegħu.

Din il-ġurnata kienet imżejna wkoll bill-Messaġġ li bagħat apposta il-Papa Franġisku għal din l-okkażjoni.  Fost affarijiet oħra, Huwa fakkar f’dak li qal waqt il-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000 illi “quddiem għajnejna qed jiftaħ staġun ġdid:  huwa ż-żmien li napprofondixxu it-tagħlim tal-Konċilju;  huwa ż-żmien li naħsdu l-frott ta’ dak li żergħu il-Padri tal-Konċilju…”

Il-ġurnata ta’ studju, li għaliha kelli x-xorti nattendi f’isem l-Organiżmu Internazzjonali għas-Servizz tas-Sistema ta’ Ċelloli Parrokkjali għall-Evanġelizzazzjoni (OISĊPE), akkumpanjat minn membru tal-Kummissjoni Teoloġika fi ħdan l-istess Organiżmu, it-teologa Federica Romersa, infetħet mill-Kardinal Stanislaw Ryllko, il-President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi u ġiet konkluża mis-Segretarju tal-istess Kunsill, Mons Josef Klemens.  Huwa ġabar dak kollu li ntqal matul din il-ġurnata billi fakkar fil-prinċipju illi fuqu hija mibnija l-Apostolican Actuositatem, illi l-lajċi jgħixu l-identita’ tagħhom bħala mgħammdin u ikkonfermati;  illi l-lajċi jkunu awtentiċi għal din l-identita’;  u li l-lajċi jagħtu xhieda għall-identita’ tagħhom.  Huwa dan l-oriġni u l-għijjun tal-appostolat tal-lajċi.  L-istorja qatt ma terġa’ lura u lanqas il-Knisja qatt mhu se terġa’ lura għal dik il-“knisja klerikali”, issa li qed terġa’ tiskopri l-esperjenza oriġinali maħsuba minn Ġesu’ Kristu bħala Knisja li hija l-Poplu Ġdid ta’ Alla, fejn kull mgħammed għandu l-istess missjoni li jxandar l-Aħbar it-Tajba, anke jekk kulħadd skont il-kariżma li rċieva u l-ministeru li jaqdi f’dan il-Ġisem Mistiku li huwa l-Knisja.

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading