Għaliex Ġublew tal-Ħniena


1. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 9 ta’ Diċembru 2015.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Il-bieraħ ftaħt hawn, fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Bieb Imqaddes tal-Ġublew tal-Ħniena, wara li kont ġa ftaħtu fil-Katidral ta’ Bangui, fl-Afrika Ċentrali. Il-lum nixtieq li flimkien nirriflettu fuq it-tifsira ta’ din is-Sena Mqaddsa, billi nwieġbu għall-mistoqsija: Għaliex Ġublew tal-Ħniena? Xi jfisser dan?

Il-Knisja għandha bżonn ta’ dan il-mument straordinarju. M’iniex ngħid: tajjeb għall-Knisja dan il-mument straordinarju. Qed ngħid: il-Knisja għandha bżonn ta’ dan il-mument straordinarju. F’dan iż-żmien tagħna ta’ bidliet qawwija, il-Knisja hi msejħa toffri s-sehem partikulari tagħha, u tagħmel viżibbli s-sinjali tal-preżenza u tal-qrubija ta’ Alla. U l-Ġublew hu ż-żmien it-tajjeb għalina lkoll, biex aħna u nikkontemplaw il-Ħniena Divina, li tegħleb kull limitu uman u tilma qalb id-dalma tad-dnub, nistgħu nsiru xhieda iżjed konvinti u effikaċi.

Li nħarsu lejn Alla, Missier kollu ħniena, u lejn ħutna fil-bżonn tal-ħniena, ifisser nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq il-kontenut essenzjali tal-Vanġelu: Ġesù, il-Ħniena li titlaħħam, li tagħmel viżibbli quddiem għajnejna l-misteru kbir ta’ l-Imħabba Trinitarja ta’ Alla. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ġublew tal-Ħniena tfisser li nqiegħdu mill-ġdid fil-qalba tal-ħajja personali tagħna u tal-komunitajiet tagħna dak li hu speċifiku għall-fidi Nisranija, jiġifieri Ġesù Kristu, Alla l-ħanin.

Mela, qed nagħmlu Sena Mqaddsa biex ngħixu l-ħniena. Iva, għeżież ħuti, din is-Sena Mqaddsa qed tiġi offruta lilna biex f’ħajjitna nduqu l-maħfra ta’ Alla li tmissna bi ħlewwa u tjieba, il-preżenza tiegħu ħdejna u l-qrubija tiegħu fuq kollox meta l-aktar li għandna bżonnu.

Insomma, dan il-Ġublew hu mument ipprivileġġjat biex il-Knisja titgħallem tagħżel biss “dak li l-aktar jogħġob lil Alla”. U x’inhu li “l-aktar jogħġob lil Alla”? Li jaħfer lil uliedu, li jħenn għalihom, biex anki huma jistgħu min-naħa tagħhom jaħfru lil ħuthom, jixegħlu bħal imsiebaħ tal-ħniena ta’ Alla fid-dinja. Dan hu dak li l-aktar jogħġob lil Alla. San Ambroġ fi ktieb tat-teoloġija li kien kiteb fuq Adam, jaqbad l-istorja tal-ħolqien u jgħid li Alla kuljum, wara li jkun ħalaq ħaġa – il-qamar, ix-xemx jew l-annimali – jgħid: “U Alla ra li dan kien tajjeb”. Imma meta ħalaq ir-raġel u l-mara, il-Bibbja tgħid: “Ra li dan kien tajjeb ħafna”. San Ambroġ jistaqsi: “Imma għaliex jgħid ‘tajjeb ħafna’? Għaliex Alla hu daqshekk kuntent wara l-ħolqien tar-raġel u tal-mara?”. Għax fl-aħħar kellu xi ħadd lil min jaħfer. Kemm hi ħaġa sabiħa din: il-ferħ ta’ Alla hu li jaħfer, Alla hu ħniena. Għalhekk f’din is-sena rridu niftħu qlubna, biex din l-imħabba, dan il-ferħ ta’ Alla jimliena lkoll b’din il-ħniena. Il-Ġublew ikun “iż-żmien it-tajjeb” għall-Knisja jekk nitgħallmu nagħżlu “dak li jogħġob l-iżjed lil Alla”, bla ma nċedu għat-tentazzjoni li naħsbu li hemm xi ħaġa oħra li hi iżjed importanti jew tieħu prijorità. Xejn m’hu iżjed importanti milli nagħżlu “dak li jogħġob l-iżjed lil Alla”, jiġifieri l-ħniena tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħlewwa tiegħu, it-tgħanniqa tiegħu, iż-żegħil tiegħu!

Anki l-ħidma meħtieġa ta’ tiġdid ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-istrutturi tal-Knisja hi mezz li għandu jwassalna biex nagħmlu l-esperjenza ħajja u li taħji tal-ħniena ta’ Alla li, waħidha, tista’ tiggarantixxi lill-Knisja li tkun dik il-belt imperrċa fuq muntanja li ma tistax tibqa’ moħbija (ara Mt 5:14). Hi biss Knisja ħanina li tista’ tiddi! Jekk ninsew, imqar għal mument wieħed, li l-ħniena hi “dik li togħġob l-aktar lil Alla”, kull sforz tagħna jisfuma fix-xejn, għax insiru lsiera ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ l-istrutturi tagħna, ikunu kemm ikunu mġedda. Imma nibqgħu dejjem ilsiera.

“Inħossu qawwi fina l-ferħ li rġajna ġejna misjuba minn Ġesù, li bħal Ragħaj Tajjeb ġie jfittixna għax konna ntlifna” (Omelija fl-Ewwel Għasar tal-Ħadd tal-Ħniena Divina, 11 ta’ April 2015): dan hu l-għan li l-Knisja qed tpoġġi quddiemha f’din is-Sena Mqaddsa. Hekk insaħħu fina ċ-ċertezza li l-ħniena tista’ realment tgħin fil-bini ta’ dinja iżjed umana. Speċjalment f’dawn iż-żminijiet tagħna, fejn il-maħfra hi mistieden rari fl-oqsma tal-ħajja umana, is-sejħa għall-ħniena qed issir iżjed urġenti, u dan f’kull post: fis-soċjetà, fl-istituzzjonijiet, fuq il-post tax-xogħol u anki fil-familja.

Naturalment, xi ħadd jaf joġġezzjonali: “Imma, Dun, il-Knisja, f’din is-Sena, m’għandhiex tagħmel xi ħaġa iżjed? Hu sewwa li nikkontemplaw il-ħniena ta’ Alla, imma hemm ħafna ħtiġijiet urġenti!”. Veru, hemm ħafna xi jsir, u jien l-ewwel wieħed ma negħja qatt infakkar f’dan. Imma hemm bżonn inżommu quddiem għajnejna li, fl-għeruq ta’ l-indifferenza għall-ħniena, dejjem hemm l-amor propju. Fid-dinja, dan jieħu l-bixra ta’ min ifittex esklussivament l-interessi tiegħu, il-pjaċiri u l-unuri, waqt li jrid jaħżen dejjem iżjed ġid għalih innifsu, waqt li fil-ħajja ta’ l-Insara spiss jinħeba taħt il-qoxra ta’ l-ipokrezija u l-mondanità. Dawn il-ħwejjeġ kollha jmorru kontra l-ħniena. L-azzjonijiet ta’ l-amor propju, li lill-ħniena jġibuha barranija fid-dinja, tant huma fil-għadd li spiss lanqas għandna l-ħila nagħrfuhom bħala limiti u bħala dnub. Araw għaliex hemm bżonn nagħrfu li aħna midinbin, biex inqawwu fina ċ-ċertezza tal-ħniena divina. “Mulej, jiena midneb; Mulej, jiena midinba: ejja bil-ħniena tiegħek”. Din hi talba sabiħa ħafna. Hi talba ħafifa biex ngħiduha kuljum: “Mulej, jiena midneb; Mulej, jiena midinba: ejja bil-ħniena tiegħek”.

Għeżież ħuti, nawgura li, f’din is-Sena Mqaddsa, kull wieħed u waħda minna jagħmel l-esperjenza tal-ħniena ta’ Alla, biex insiru xhieda ta’ “dak li jogħġob l-iżjed Lilu”. Inkunu inġenwi jekk naħsbu li dan jista’ jibdel id-dinja? Iva, jekk nitkellmu umanament, dan hu ġenn, imma “il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:25).

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.