Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Inħallu l-ħniena t’Alla tmellisna


Il-Ħamis 10 ta’ Diċembru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Alla jinnamra miċ-ċokon tagħna u ħnientu m’għandhiex limiti, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Fil-quddiesa kkonċelebraw id-disa’ Kardinali li jiffurmaw il-Kunsill Konsultattiv tal-Papa.

 

Il-Mulej, qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija, hu ħanin ħafna u mħabbtu hija kbira. L-omelija kienet imnebbħa mill-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta’ Iżaija li fih naraw li l-Mulej għażel il-poplu tiegħu mhux għax kien kbir u b’saħħtu, imma għax kien l-iżgħar u l-aktar miżerabbli fost il-ġnus.

Alla, kompla l-Papa, innamra minn din il-miżerja, ma’ dan iċ-ċokon. U f’dan il-monologu ta’ Alla mal-poplu tiegħu tidher imħabbtu, imħabba tenera, bħal dik ta’ omm jew missier meta jkellmu ‘l uliedhom li jqumu jibku bil-lejl għax ħolmu ikrah…. u jgħidulhom: ‘Tibżax, hawn jien ħdejk, inżommlok idek.’ Ilkoll nafu biż-żegħil tal-missirijiet u tal-ommijiet meta t-tfal ikunu mbeżżgħin

‘Tibżax, Jien hawn, Jien inħobb iċ-ċokon tiegħek, ix-xejn tiegħek.’ U wkoll: ‘Tibżax minn dnubietek, Jien qiegħed hawn biex naħfirlek.’ Din hi l-ħniena t’Alla. Franġisku fakkar f’dak il-qaddis li kien jagħmel ħafna penitenza imma l-Mulej kien dejjem jitlob aktar minnu sakemm dan qallu: ‘M’għandix aktar x’intik,’ u Alla wieġbu: ‘Tini dnubietek.’

Il-Mulej irid jieħu fuq spallejh id-dgħufijiet tagħna, dnubietna, it-toqol tagħna. Kemm-il darba Ġesù kien jagħmel dan u mbagħad: ‘Ejjew għandi intom li tinsabu għajjenin u mtaqqlin u jiena nfarraġkom. Jien hu l-Mulej Alla tiegħek li nżommlok idek il-leminija, tibżax ċkejken tiegħi, tibżax. Jien intik il-qawwa. Tini kollox u Jiena naħfrilek, intik il-paċi.’

Dan huwa, żied jgħid il-Papa, it-tmellis ta’ Alla, iż-żegħil tal-Missier tagħna, meta Hu juri l-ħniena magħna. Aħna, li ninnervjaw tant meta xi ħaġa tmurilna ħażin, ngħollu leħinna, nitilfu l-paċenzja…. Imma Hu: ‘Ikkalma. Għamilt waħda ħoxna, veru, imma oqgħod kwiet, tibżax, Jiena naħfirlek. Tihieli.’

Dan ifisser dak li għidna fis-Salm meta tennejna: ‘Il-Mulej ħanin, kbira hi l-imħabba tiegħu.’

Aħna żgħar. Hu tana kollox. Jitlobna biss il-miżerji tagħna, iċ-ċokon tagħna, dnubietna, biex jgħannaqna miegħu, biex imellisna.

Nitolbu lill-Mulej, temm il-Papa, biex iqanqal mill-ġdid fina lkoll, u fil-poplu kollu, il-fidi f’din il-paternità, f’din il-ħniena, fil-qalb tiegħu. U jalla din il-fidi fil-paternità tal-Mulej u fi ħnientu tgħinna nuru ftit aktar ħniena mal-oħrajn.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s