L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa għat-tfal tal-iskejjel tal-Istat


Il-Ħamis 10 ta’ Diċembru 2015: l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa għat-tfal tal-Iskejjel tal-Istat, bi tħejjija għall-festa tal-Milied, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Valletta

Għeżież tfal, Eċċellenza għażiża President tar-Repubblika, Sur Preca, Onorevoli Ministri, Kapijiet tal-edukazzjoni f’Malta u Għawdex, l-omelija għamluha diġa t-tfal. Jiena se nagħmel ħsieb qasir ħafna fuq xi ħaġa li qal Gilbert, jiġifieri li dan il-Milied huwa Milied speċjali ħafna għax huwa l-Milied fis-Sena tal-Ħniena.

Il-ħniena, meta aħna nilqgħuha mingħand Alla, meta lil Ġesù ngħidulu: ‘aħfirli għax għamilt xi ħaġa mhux tajba, xi ħaġa ħażina’, u l-Mulej jaħfirli, jien inkun qed nilqa’ l-ħniena tal-Mulej. U l-Mulej iħobbni billi jħenn għalija. Filgħodu titla’ x-xemx, imbagħad tinżel. Biex il-lejl ma jkunx totalment mudlam, għandna l-qamar u l-kwiekeb meta jidhru, għax kultant bid-dwal taghna, lanqas narawhom. U l-Mulej iħenn għalina b’ħafna modi oħra.

Hu qed jistedinna u jħenn għalina biex inħennu għal xulxin. Fis-sena tal-ħniena, irridu nagħmlu din il-ħaġa, li nħennu għal xulxin. Meta nkunu żgħar, il-ġlied bejnietna jkun forsi ta’ spiss u jgħaddi malajr; meta nikbru ma tantx jgħaddi malajr. Imma tajjeb, għeżież studenti, li tidraw f’dan il-mument meta intom qegħdin fl-iskejjel tiltaqgħu ma’ xulxin kuljum, u forsi jkun hemm xi għira bejnietna, jew xi bullying, ejjew nitgħallmu nużaw il-ħniena billi niddefendu lil min hu dgħajjef u naħdmu biex fostna jkun hemm spirtu ta’ sapport.

Il-Milied ikun verament sabiħ jekk kull wieħed u waħda minnkom, meta tmorru d-dar għall-vaganzi, ma jkollkomx xi ġerħa fil-qalb tagħkom minħabba xi ħaġa li ġrat l-iskola, imma fl-esperjenza tal-imħabba ta’ bejnietkom, il-ġerħat li nġibu l-iskola minn barra, ikunu ttaffew.

Kien hemm tlieta minn dawn it-tfal li rrapreżentaw is-Slaten Maġi, u lil Ġesù offrewlu deheb, inċens u mirra. Ħafna drabi meta naħsbu fil-mirra, għax il-lingwa tagħna tgħinna, naħsbu fil-morr: mirra u morr x’aktarx huwa l-istess għerq. Imma l-mirra kienet ukoll mediċina, u jiena nawguralkom li l-imħabba ta’ bejnietkom l-iskola tkun għal xulxin din il-mediċina li tagħtikom sapport u saħħa u qawwa, u b’hekk il-Milied ikun tassew ħieni, tassew mimli ħniena.

Il-Milied it-tajjeb lilkom, lill-iskejjel tagħkom, il-familji u l-ħbieb tagħkom.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.