Ġiet u marret

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Il-mawra tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni f’pajjiżna ħalliet pajjiż għal kollox fuq ix-xwiek. Pajjiż li stenna bi ħġaru mara ta’ 89 sena li, għal tant snin, kienet is-sovrana tagħna l-Maltin.

Min hu daqsi jew iżgħar minni żgur li lir-Reġina ma jiftakarhiex. Imma mhux min il-Mulej tah il-grazzja ta’ ħafna snin. Il-mawra tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni tfakkarna f’179 sena ta’ storja tal-Ingliżi fostna. Huma ħafna l-Maltin li jiftakru xi snin minn dan il-perjodu fl-istorja ta’ pajjiżna. Perjodu mimli b’kull kulur tal-istorja umana.

Imma li bqajt impressjonat hija kemm il-poplu Malti għadu jħobb u jirrispetta minn qalbu lir-Reġina u lill-Kuruna Ingliża. F’familja min ma jkollux xi jgħid? Madankollu l-familja, l-għaliex hi familja, dejjem tara kif l-argumenti ma tkabbarhomx aktar milli huma. Anzi! Tipprova issib soluzzjoni xierqa biex il-konflitti ma jikbrux kemm għandhom jikbru. U hekk il-ġerħa tagħlaq, tfiq u tintesa.

Kif irrapuratat l-istampa internazzjonali ż-żjara tar-reġina Eliżabetta f’artna kienet waħda nostalġika. Għal sentejn sħaħ ir-Reġina għexet fostna. Ġiet tgħix f’artna fl-aħjar ta’ żgħożitha. U d-disa’ darbiet li żaret lill-pajjiżna juri biċ-ċar kemm Malta għadha f’qalbha. U min se jinsa tassew lil Malta? Art ċkejkna mgħammra b’nies ta’ ħila kbira?

Meta qgħadt nara lir-Reġina iżżur diversi postijiet ta’ nteress moħħi u qalbi ġrew lejn in-numru kbir ta’ Maltin li servew fil-qawwiet militari u navali Ingliżi. Kemm Maltin għamlu isem kbir għall-pajjiżna u għall-Kuruna Ingliża. Maltin li għollew ġieħ pajjiżna l-għaliex b’għemilhom wrew fejn tasal il-lejaltà u x-xogħol iebes li hu tinsiġa tassew sabiħa tal-qalb, tal-moħħ u fuq kollox tar-rieda Maltija. Lil dawn ħuti Maltin nixtieq minn qalbi nirringrazzjahom ta’ ħidmiethom!

F’diversi oqsma l-Maltin, fi żmien meta Malta kienet taħt ir-Renju Unit tal-Ingilterra, għamlu isem kbir. Moħħi ġera fuq it-tarnzari tul iż-żminijiet. Is-sengħa tal-għaġeb tagħhom sebbħet bil-kbir l-istorja marittima ta’ Malta. Kemm Maltin ħadmu fuq il-vapuri navali Ingliżi. Kemm Maltin sewwew dawn il-biċċiet tal-baħar li għamlu unur kbir lill-progress taħt il-bandiera tal-paċi.

Imbagħad meta s-siegħa tal-biża’ waqgħet fuqna ilkoll, avolja daqxejn ta’ gżira, meta l-Qawwiet tal-Assi riedu jeqirduna, hemm kienu l-Maltin b’kuraġġ liema bħalu mal-Ingliżi li kienu fostna. Bi qlubija kbira huma iddefendew bis-sħiħ lil Malta tagħna mill-attakki sfrenati mill-arju u mill-baħar. Kemm meta l-ajruplani lanqas kienu jidhru. U kienu jitfgħu l-bombi u jaħarbu jiġru lejn Sqallija. U kif ukoll meta l-ajruplani kienu donnhom għaddasa feroċi lesti biex jaqbdu l-priża b’idejhom! U fost dawn il-bumbardamenti u tiġrif hemm arahom il-Maltin u l-Ingliżi jiġġieldu spalla’ ma spalla ħalli jiżolaw lil Romel fl-Afrika ta’ Fuq u hekk jaqtgħulu l-provvisti biex il-gwerra fil-Mediterran tkun tista’ tintrebaħ. Il-qlubija kbira tal-Maltin wasslet biex ir-Re Ġorġ Sitta, missier ir-Reġina Eliżabetta it-Tieni, jagħti lil Malta l-George Cross. B’xhieda għall-wirja mill-aktar kuraġġuża tagħha.

Imbagħad smajt b’widnejja dawk iż-żewġ innijiet ħdejn xulxin. “God save the Queen”. U “Lil din l-art ħelwa”. Żewġ innijiet li huma talba lill-Mulej. Waħda biex jieħu ħsieb u jħares lir-Reġina. U l-ieħor biex jieħu ħsieb u jħares lill-poplu tagħna. Sabiħ meta tisma’ kemm nies għadhom iħarsu lejn dawk iż-żminijiet b’ċertu nostalġija. Ħafna aktar milli hija dgħjufija din in-nostalġija turi l-apprezzament li ż-żewġ popli għandhom lejn xulxin. Apprezzament u koperazzjoni stretta li għadha tidher f’diversi oqsma. Mhux li kien jaħasra li jkollna l-apprezzament u koperazzjoni Maltin bejnietna!

Ħarsa lejn il-kunjomijiet turi kemm il-Maltin u l-Ingliżi huma midħla ta’ xulxin. In-numru taż-żwiġijiet imħallta bejn iż-żewġ naħat huwa kbir. U tifhmu! Anki illum, wara li għaddew dawn l-għexieren ta’ snin. L-għaliex il-ħbiberija u l-fiduċja ta’ bejnietna, ġara x’ġara fl-imgħoddi, se tissaħħaħ. Ħafna huma l-Maltin li jispeċċjalizzaw fir-Renju Unit. L-għaliex nafu bis-serjetà, bid-dixxiplina u bl-umanità tal-edukazzjoni tagħhom.

Meta rajt lir-Reġina Eliżabetta sejra lura lejn l-Ingilterra qabiżli d-dmugħ. Qalbi ħasset għaliha! Jiena twelidt meta hi kienet is-sovrana tagħna. Beriktha minn qalbi! L-għaliex hija mara li batiet. Fuq kollox hija mara umli. Tħobb tiltaqa’ ma’ kulħadd! God save you O queen! Nitlob għalik!

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading