Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Tliet karatteristiċi tal-poplu t’Alla


It-Tlieta 15 ta’ Diċembru, 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fir-riflessjoni dwar kliem Ġesù li nsibu fil-Vanġelu tal-lum, il-Papa osserva b’liema ‘enerġija’ Ġesù ċanfar lil dawk li kienu jitqiesu bħala l-imgħallmin minħabba l-mod kif kienu jaħsbu, jiġġudikaw u jgħixu.

 

Il-Profeta Sofonija wkoll, fl-ewwel qari, prattikament jagħmel l-istess ċanfira ta’ Ġesù lill-poplu u lill-kjeriċi ta’ żmienu. U, osserva l-Papa, li tgħid lil wieħed mis-saċerdoti li prostituta tasal qablu fis-Saltna tas-Sema, hi żgur akkuża iebsa ħafna.

Iżda Ġesù kellu l-kuraġġ li jgħid il-verità, qal Franġisku. Allura, quddiem ċertu ċanfir wieħed jistaqsi: Kif għandha tkun il-Knisja? In-nies li naqraw dwarhom fil-Vanġelu kienu nies tal-Knisja, kienu kapijiet. Ġie Ġesù, ġie Ġwanni l-Battista imma huma ma semgħux. Is-silta meħuda mill-Profeta tfakkarna li, minkejja li Alla għażel il-poplu tiegħu, dan sar ribell, belt impura, u ma jaċċettax il-Knisja kif għandha tkun, kif għandu jkun il-poplu t’Alla.

Allura, quddiem dan kollu, il-Profeta Sofonija jtenni lill-poplu l-wegħda tal-Mulej: ‘Jiena naħfirlek.’ Jiġifieri, spjega l-Papa, l-ewwel pass biex il-poplu t’Alla, il-Knisja, aħna lkoll, inkunu fidili, hu li nħossuna maħfura. Wara l-wegħda tal-maħfra hemm ukoll l-ispjegazzjoni ta’ kif għandha tkun il-Knisja: ‘Inħalli f’nofsok poplu umli li jafda fl-isem tal-Mulej.’ Il-poplu t’Alla fidil, sostna Franġisku, għandu jkollu dawn it-tliet karatteristiċi: l-umiltà, il-faqar u l-fiduċja fil-Mulej.

Il-Papa mbagħad beda jirrifletti dwar kull waħda minn dawn il-karatteristiċi. Qabel xejn, il-Knisja għandha tkun umli, ma tiddandanx bil-poter, bil-kobor. Imma attenzjoni, wissa l-Papa, l-umiltà ma tfissirx li tkun persuna bla ħeġġa, fjakka, għax dik ma tkunx umiltà imma teatrin! Hi umiltà finta.

Il-vera umiltà tibda mill-ewwel pass: jiena midneb. Jekk int m’għandekx ħila tgħid lilek innifsek li inti midneb u li l-oħrajn huma aħjar minnek, int m’intix umli. Għalhekk, l-ewwel pass ta’ Knisja umli huwa li tħossha midinba. L-istess jgħodd għalina. Jekk xi ħadd minna għandu d-drawwa li jħares lejn id-difetti tal-oħrajn u jpaċpaċ iżżejjed, żgur li mhux umli imma jemmen li jista’ jiġġudika lil ħaddieħor. ‘Jien se nħalli f’nofskom poplu umli.’ U aħna, irrikmanda l-Qdusija Tiegħu, għandna nitolbu din il-grazzja: li l-Knisja tkun umli, li jiena nkun umli, li kull wieħed u waħda minna nkunu umli.

Il-meditazzjoni tal-Papa mxiet lejn it-tieni karatteristika: il-poplu t’Alla hu fqir. Rigward dan il-Papa fakkar li l-faqar hu l-ewwel Beatitudni. Imma xi jfisser il-faqar tal-ispirtu? Ifisser li nkunu marbutin biss mal-għana ta’ Alla. Ma tkunx hekk Knisja li moħħha fil-flus, li taħseb dwar il-flus u kif se ddaħħalhom. Per eżempju, żied il-Papa, hemm min kien qed jgħid lin-nies li biex tgħaddi mill-Bieb tal-Ġublew trid tagħti offerta. Din mhix il-Knisja ta’ Ġesù, din hi Knisja ta’ dawn il-kapijiet tas-saċerdoti li huma marbutin mal-flus.

Biex jiċċara ħsiebu, il-Papa Franġisku fakkar fl-istorja tad-djaknu Lawrenz – li kien l-ekonomu tad-djoċesi – li meta mitlub mill-imperatur biex iġiblu quddiemu r-rikkezzi tal-Knisja, ħadlu lill-foqra. Jiġifieri l-foqra huma l-għana tal-Knisja. U wieħed jista’ jkun sid ta’ bank, imma hu biss jekk qalbu hi fqira u mhux marbuta mal-flus, li bniedem jista’ jkun ta’ servizz għall-oħrajn.

Il-karatteristika tal-faqar, kompla jgħid il-Papa, hi proprju dan id-distakk mill-flus li jwassalna biex ngħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn. Allura dan ir-raġunament irid iwassalna nistaqsu lilna nfusna: jien fqir jew le?

Fl-aħħar, it-tielet karatteristika: il-poplu t’Alla għandu fiduċja fil-Mulej.

Hawnhekk ukoll il-Papa għamel domanda diretta ħafna: Fejn tinsab il-fiduċja tiegħi: fil-poter, fil-ħbieb, fil-flus, fil-Mulej!

Dan hu għalhekk il-wirt li jwegħedna l-Mulej: ‘Inħalli f’nofskom poplu umli u fqir li jafda f’isem il-Mulej.’ Umli għax iħossu midneb; fqir għax qalbu marbuta mar-rikkezzi ta’ Alla u li dak li għandu qiegħed hemm biex jammistrah tajjeb; mimli fiduċja fil-Mulej għax jaf li l-Mulej biss jista’ jiggarantixxi xi ħaġa li tagħmillu l-ġid.

Kien għalhekk li Ġesù kellu jgħid lill-kapijiet tas-saċerdoti, li ‘ma kinux jifhmu dawn l-affarijiet’, li prostituta tasal qabilhom fis-Saltna tas-Sema. U, temm il-Qdusija Tiegħu, filwaqt li qed nistennew lill-Mulej, il-Milied, nitolbuH biex itina qalb umli, qalb fqira u, fuq kollox, qalb mimlija fiduċja fil-Mulej, għax Hu ma jqarraq bina qatt.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s