Il-Messaġġ tal-Milied mill-Arċisqof Charles J. Scicluna


Il-Ħamis 24 ta’ Diċembru 2015

Il-paċi magħkom! Din it-tislima tawha wkoll l-anġli lir-ragħajja fil-lejl qaddis tal-Milied meta kantaw: “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lk 2, 14).

Għeżież ħuti Maltin u Għawdxin, għandi pjaċir insellmilkom mid-Dar tal-Providenza. F’din is-Sena tal-Ħniena, nawgura li dan il-Milied jkun Milied ħieni mimli ħniena. Ħamsin sena ilu, Monsinjur Mikiel Azzopardi kellu l-ispirazzjoni feliċi li jibda din id-dar, li laqgħet għexieren u għexieren ta’ persuni li kellhom bżonn l-għajnuna speċjali, is-solidarjetà u l-imħabba tagħna. Din id-Dar tal-Providenza hija monument sabiħ tal-imħabba u tal-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi.

Fis-Sena tal-Ħniena, tajjeb inkomplu nuru ħniena ma’ xulxin. Alla wera l-ikbar ħniena magħna meta bagħat lil Ibnu biex isir bniedem u jifdina minn dnubietna. Aħna midjunin mal-Mulej, u lkoll kemm aħna għandna bżonn nitolbuh maħfra tan-nuqqasijiet tagħna. Il-ħniena tiegħu tkun fil-qalb tagħna balzmu li jgħinna nkomplu fil-mixja tal-ħajja tagħna. Imma kemm hi ħaġa sabiħa li, mhux biss f’dan l-istaġun tal-Milied imma wkoll matul il-ħajja tagħna, nkomplu b’opri tal-ħniena ma’ xulxin u bejnietna. L-opri tal-ħniena jesprimu mħabba konkreta: li tisqi lil min hu bil-għatx, li titma’ lil min hu bil-ġuħ, li żżur lil min hu waħdu.

Il-ħsieb tiegħi f’dawn il-jiem, ħafna drabi jmur lejn l-anzjani tagħna li jkunu ħerqanin jiltaqgħu mal-qraba tagħhom – man-neputijiet, ma’ wliedhom – biex jiċċelebraw flimkien dawn il-festi sbieħ. Nafu lkoll kemm aħna kemm hija kiefra s-solitudni, u kemm hi ħaġa sabiħa meta nimpenjaw ruħna biex dak li jkun waħdu ma nħalluhx waħdu imma naħsbu fih, imqar telefonata, imqar messaġġ, imqar żjara li forsi toħdilna l-ħin, imma l-ħin huwa rigal prezzjuż li ta’ min naqsmu bejnietna.

Il-ħniena nuruha wkoll meta nilqgħu fostna lill-barrani. Niftakru wkoll f’tant familji Maltin li sabu futur f’artijiet barranin – l-emigranti għeżież tagħna li kellhom il-bżonn u l-kuraġġ jitilqu mill-Gżejjer tagħna, isibu futur f’pajjiżi oħrajn u hekk jibdew ħajja ġdida. Kemm hi ħaġa sabiħa li l-barranin li hawn fostna, hi x’inhi l-kulur tal-ġilda tagħhom, nilqgħuhom u nitrattawhom b’rispett. Għaliex il-paga ta’ wieħed li mhux Malti għandha tkun inqas minn ċittadin normali li jgawdi mil-liġijiet ta’ garanzija soċjali? F’dan il-Milied irridu naħdmu wkoll biex il-ħniena tkun ħniena konkreta ma’ kulħadd.

Kif tafu, aħna l-Isqfijiet ftaħna l-bibien tal-ħniena fil-katidrali tagħna u fi knejjes oħra. Dak il-pellegrinaġġ li jwasslek għall-bieb tal-ħniena huwa mixja mhux biss simbolika imma ta’ impenn. Impenn li nieħdu lkoll kemm aħna li, f’din is-Sena, inbiddlu l-istil tal-ħajja tagħna u nipprattikaw il-ħniena. Kemm hi ħaġa sabiħa li f’dan il-Milied nibdew naħsbu wkoll fil-ħniena spiritwali – li aħna nfittxu t-tagħlim, li nagħtu parir tajjeb lil min jitlobulna, li nieħdu paċenzja anke f’xi kuntrarju. Wara kollox, il-paċenzja li aħna nuru lil xulxin fl-affarijiet iż-żgħar, hu rifless sabiħ tal-paċenzja li jieħu magħna l-Missier.

Aħna u nħarsu lejn il-grotta ta’ Betlem u nammiraw liċ-ċkejken Ġesù tarbija, ejjew nitolbu l-grazzja li dan il-Milied għalina jkun Milied ħieni, mimli ħniena.

Nagħtikom il-barka pastorali tiegħi.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.