L-Arċisqof jiċċelebra l-Quddiesa tal-Milied fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin


Il-Ġimgħa 25 ta’ Diċembru 2015: Jum il-Milied, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra mal-ħabsin, il-Quddiesa Stazzjonali fl-okkażjoni tas-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal Ġdid. Preżenti wkoll għal din il-quddiesa, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, l-Onor. Carmelo Abela.

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof li kien akkumpanjat mill-Ministru Abela, żaru lir-residenti tas-sezzjoni femminili u ltqagħu mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kellhom esperjenzi pożittivi ta’ rijabilitazzjoni.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Facilità Korrettiva ta’ Kordin, Raħal il-Ġdid

Għadna kemm smajna l-ewwel versi mill-Vanġelu ta’ San Ġwann (Ġw 1, 1-18). L-evanġelista ma jirrakkontalniex l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù, dik insibuha fil-Vanġelu ta’ San Mattew u fil-Vanġelu ta’ San Luqa.

Il-Vanġelu ta’ San Ġwann jagħtina ftit riflessjonijiet fuq dak li qegħdin niċċelebraw illum. L-ewwelnett jibda bil-glorja ta’ Alla, bil-maesta tiegħu. Il-glorja t’Alla u l-maesta tiegħu jingħarfu fil-ħolqien: “Fil-bidu kien hemm il-kelma ta’ Alla”, il-Verb, il-ħsieb tiegħu, dak kien ma’ Alla. “Kollox sar bih, mingħajru ma sar xejn” (ara vv.1-3). Mela jekk fil-qalb tiegħek hemm il-mistoqsija ‘imma Alla jeżisti?’, din il-mistoqsija tixbaħ ukoll il-mistoqsija li għandu jkollha risposta evidenti ‘jien neżisti?’. Għaliex jekk tgħaraf li teżisti, trid tagħraf ukoll li ħalqek xi ħadd permezz tal-ġenituri tiegħek, u l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

Alla jgħarraf lilu nnifsu l-ewwel dan il-misteru kbir tal-ħolqien. “Kollox sar bih, mingħajru ma sar xejn. Hu kien il-ħajja u d-dawl, id-dawl fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (ara vv. 4-5). Din hi l-ewwel bxara tajba li aħna rridu naħsbu fuqha f’dan il-jum qaddis tal-Milied. Id-dlam, u bl-istess mod id-dlam fil-qalb tiegħi, qatt m’hu se jegħleb u m’hu se jirbaħ id-dawl tal-ħniena u tal-grazzja ta’ Alla.

Lejn tmiem ta’ din is-silta hemm żewġ karattersitiċi ta’ Ġesù li jirrepetu ruħhom: grazzja u verità. San Ġwann jgħidilna: Ġesù huwa “mimli grazzja u verità” (v 14). Issa din il-grazzja x’inhi? Hija l-imħabba li ma tfittix ħlas u lanqas tħobb għal xi raġuni fiergħa tagħna l-bnedmin. Fi kliem ieħor, Alla jħobbok għax iħobbok, tistaqsix għaliex. Mhux qed jippretendi li inti perfett biex iħobbok, lanqas qed iħares lejn il-history tiegħek biex iħobbok. Iħobbok kif int bl-istorja ta’ ħajtek. Dik l-imħabba li ma tfittix la mertu, la sbuħija, la saħħa, la żgħożija, la tjubija, imma tħobb, aħna ngħidulha grazzja. Il-Mulej nistgħu ngħidu li ħa grazzja magħna u kompla juża’ din il-grazzja, din l-imħabba li tibqa’ tħobbna dejjem, aħna min aħna. Dan irid ikun messaġġ li nġorru fil-qalb tagħna f’Jum il-Milied – il-kelma ta’ Alla li tgħidilna Ġesù Kristu “mimli bil-grazzja”, bl-imħabba, u “bil-verità”.

Ħafna drabi aħna nogħtru fil-ħajja għax inkunu vittmi tal-ingann. Min għalina nagħmlu xi ħaġa u se nkunu kuntenti jew se mmorru aħjar, u niżolqu fin-nixef. Il-Mulej ma jqarraqx bina anke meta jitlob minna li nbiddlu ħajjitna, anke meta jitlob minna affarijiet li aħna nħossuhom iebsin ħafna, bħal meta nisimgħuh jgħid: ‘ħobb lill-għadu tiegħek’. X’jigifieri? Kif jista jkun? Din il-ħaġa li qed jitlobna l-Mulej tmur kontra kull istint tagħna. Imma hemm l-għajn tal-paċi; jekk ma temminx, ipprova, ipprova! Il-Mulej jgħin kull pass tagħna, kull meta l-kelma tiegħu aħna noħduha bis-serjetà u nagħmlu ħilitna.

Hemm kelma oħra li hija importanti ħafna fil-Vanġelu li għadna kemm smajna: “għammar fostna” (v 14). Dak il-Verb ta’ Alla, dak il-ħsieb ta’ Alla li huwa l-Iben tiegħu, sar bniedem. Qabad u qal: ‘ħa nibni t-tinda tiegħi fost dan il-poplu għax jiena għandi bżonn nerfagħhom lil dawn uliedi. Ix-xbieha tiegħi nixtieqha tkun dejjem sabiħa’. Iżda hu ma ħarisx lejna mill-bogħod u għafas xi buttuna. Ġie fostna! Sar wieħed minna! Bħalna f’kollox minbarra fid-dnub! Mhux ta’ b’xejn fl-innu sabih Malti aħna ngħidulu “ħallih għalina l-biki għax aħna l-midinbin”. Imma fl-istess ħin aħna u nilqgħuh fil-qalb tagħna, nixtiequlu s-sabar, il-ħlewwa tal-benniena “ninni la tibkix iżjed, ninni Ġesu Babmin”.

Din il-lullaby, din l-għanja tat-tarbija li aħna l-Maltin nagħmluha wkoll għal Ġesù Bambin, tgħid ħafna veritajiet fuqu u fuqna. Hu m’għandux dnub, il-biki għalina, imma llum jekk hemm bikja għandha tkun il-bikja tal-ferħ, id-demgħa ta’ min hu u jħares lejn it-tarbija, qed jiltaqa’ mal-wiċċ ħanin tas-Salvatur. Mhux wiċċ kiefer, mhux mostru ta’ qilla, imma tarbija infissqiha li ommha poġġietha f’maxtura għax post għalihom fil-lukanda ma kienx hemm.

Kif tista’ inti taqta’ qalbek mill-ħniena ta’ Alla meta Alla fl-ewwel dehra tiegħu huwa tarbija? U meta fl-aħħar dehra tiegħu huwa minxur fuq salib b’qalbu miftuħa beraħ għax il-kustat tiegħu huwa minfud bil-lanza tagħna l-bnedmin! Kif nistgħu aħna naqtgħu qalbna minn Alla, li hu ma jaqta’ qalbu minna qatt?!

Illum, inti u tħaddan f’idejk ix-xbieha ċkejkna ta’ Ġesù Bambin, itolbu, għażiż ħija, li jkun hu l-faraġ tiegħek, għalik ikun l-ismijiet tiegħu, għalik ikun Ġesù, għalik ikun Għimmanu-El. Xi tfisser? Għax dawn huma ż-żewġ ismijiet ta’ Ġesù. Ġesù tfisser: Alla jsalva, Alla jerfagħni, Alla jagħtini tama u futur. Dak ifisser l-isem Ġesù. Imma l-isem Għimmanu-El ifisser: Alla magħna. Tkun f’liema ċirkostanzi tkun, emmen f’din il-ħaġa, ħija l-għażiż, Alla miegħek, Alla isegwik.

Bħalma ġieli nagħmlu lkoll kemm aħna, inti tista’ tgħid: ‘naħrab minnu għax dejjaqni’. Bħalma żgħażugħ, ommu ddejqu bil-pariri u jgħidilha: ‘Ma, iva ħu paċenzja, ħallini naqra fil-kwiet’. Bil-Malti qed jgħidilha: ‘ħallini nħawwad jien!’, imma minkejja dan, l-omm tibqa’ ssegwi l-iben bil-ħarsa tagħha ta’ mħabba. Hekk ukoll jagħmel il-Mulej! Jibqa’ jsegwina, jibqa’ jfittixna, jibqa’ jistenniena! Meta aħna nerġgħu lura għandu m’hu se jgħidilna xejn, għax fil-parabbola tal-missier huwa għani fil-ħniena (Lq 15, 11-32). Ma kienx hemm ħafna diskors, ma qadtx joqgħod jgħidlu: ‘imma inti x’fettillek?’ jew ‘inti għaliex mort ma’ dawk? Inti għax ġidek kollu berbaqtu?’ Ma qallu xejn minn dan. Għanqu u qalilhom “ġibulu l-libsa sabiħa, ejjew nagħmlu festa għax dan ibni kien mejjet u reġa’ ħaj, kien mitluf u nstab”.

Din is-Sena qaddisa tal-Ħniena li intom bdejtu flimkien mal-komunità tal-Kappuċċini, fil-preżenza ta’ Mons. Grech, l-Isqof ta’ Għawdex, ejjew nitolbu li minn din il-kappella joħorġu għejjun ta’ ħniena, li intom ikollkom iċ-ċans fis-skiet tal-qalb tagħkom, anke fejn tgħixu, tiltaqgħu mal-Mulej li hu għani fil-ħniena, ma’ Ġesù li huwa mimli grazzja, mimli mħabba u verità. Min isegwi lilu, qed isegwi t-triq tad-dawl. Min jitbiegħed minnu, qed jagħżel id-dellijiet tad-dlamijiet. L-għażla f’idejna, għax hu jħallina liberi. O Mulej, kun għalina f’dan il-Milied imqaddes ‘Ġesù’, Alla jsalva, kun għalina Għimmanu-El, Alla magħna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.