L-Isqfijiet jawguraw lill-pubbliku fl-okkażjoni ta’ żmien il-Milied


Il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2015: fl-okkażjoni tal-festi ta’ żmien il-Milied u l-bidu tas-Sena l-Ġdida, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona O.P. u l-Vigarju Ġenerali Mons. Joe Galea Curmi, laqgħu lil kull min xtaq iżurhom għal bdil tal-awguri tal-istaġun. Waqt il-bdil tal-awguri, l-Arċisqof wassal il-messaġġ tiegħu lil dawk preżenti u lil dawk li kienu qed isegwu permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom talli ġejtu dalgħodu biex issellmu lilna l-Isqfijiet. L-awgurju tiegħi huwa li f’dawn il-ġranet qaddisa li fihom niftakru li l-Iben ta’ Alla sar bniedem, sar wieħed minna, aħna nitgħallmu minnu x’jiġifieri l-veru ħniena.

Meta Alla għażel isem għal profeta li kellu jiġi qabel Ġesù, għażillu l-isem ‘Johanann’, Alla jħenn, u Ġwanni, għax dak kien l-isem ta’ Ġwanni l-Battista, ħejja t-triq għall-Mulej, li ismu huwa Ġesu, Alla jsalva, u Għimmanu-El, Alla magħna.

Il-bieb biex jiena nilqa’ fil-qalb tiegħi dak kollu li jrid jagħtini Ġesu, id-dawl li jrid jagħtini Ġesu, huwa l-bieb tal-ħniena. Illejla se ninawguraw bieb ieħor tal-ħniena fis-Santwarju nazzjonali tal-Madonna tal-Mellieħa. Marija tiftħilna dan il-bieb tal-ħniena li huwa Ġesù, biex aħna niltaqgħu mal-Mulej u nintrefgħu mit-tbatijiet, mid-dgħufija, mid-dnubiet tagħna u ngħixu ħajja mdawwla bl-imħabba vera.

Jiena nitlob, speċjalment f’dan l-istaġun, li aħna mhux biss nagħmlu l-esperjenza tal-ħniena, imma wkoll li jkollna l-qawwa nħennu għal xulxin. Nibdew mill-miżżewġin bejnietkom – kuljum iberraq, imma jiena nawgura li kuljum ukoll jagħmel il-bnazzi. Il-Papa jgħidilkom, u jiena nirrepetiha wkoll, “ħudu ħsieb li wara xi maltempata, qabel torqdu jkun hemm il-bnazzi”.

Jekk hemm xi ħadd li ilni ħafna ma nkellmu, anke l-iskola, tfal u żgħażagħ, hemm bżonn li kif nerġgħu nirritornaw nagħmlu l-ewwel pass. In-Nisrani huwa dak li jagħmel l-ewwel pass, fejn hemm it-tbatija, fejn hemm bżonn nerġgġu nitkellmu ma’ xulxin…wieħed jagħmel l-ewwel pass u mhux jistenna lill-ħaddieħor. Nieħdu aħna l-inizjattiva. Il-Papa Franġisku juża’ verb li tgħallem hu l-Argentina ‘primear’ – tfisser li tasal inti l-ewwel, mhux fit-tellieqa tas-suppervja, imma t-tellieqa tal-imħabba, min se jħobb l-iżjed u l-ewwel. Din għandha tkun ukoll ix-xhieda sabiħa tagħna l-Insara.

Ejjew ukoll nitolbu biex aħna, bħala komunità, nibqgħu niddefendu id-don tal-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar. Kont qed nisma’ lill-attur famuż Taljan. Roberto Benigni, jispjega l-kmandamenti. Laqtuni ħafna affarijiet milli qal, imma meta tkellem fuq ir-raba’ kmandament insista fuq il-wegħda li għamel Alla għal min jirrispetta, iweġġaħ, mhux iweġġa’, lill-ġenituri tiegħu. Benigni qal li l-wegħda tgħid: ‘u jitwalu l-jiem ta’ ħajtek’ imma wkoll tfisser li kull jum ta’ ħajtek ikun itwal, ikun isbaħ, meta inti tirrispetta lil min tak il-ħajja. Imma din hija xi ħaġa li l-Mulej jagħtiha wkoll lil kull min jiddefendi lill-fqir, jiddefendi l-ħajja. Il-jiem tal-ħajja tiegħi jisbieħu, ikunu iżjed imdawwla u jkunu iżjed mimlijin tama.

Nawguraw lil xulxin lejliet il-bidu ta’ sena ġdida, Nawguraw li kull jum ta’ ħajjitna jkun jum sabiħ, mimli ħniena u tama għalina u għal xulxin. Aħna l-Isqfijiet nirringrazzjawkom tal-preżenza tagħkom u nagħtukom ukoll mill-qalb l-isbaħ xewqat għal dan l-istaġun sabiħ tal-Milied u anke għas-sena l-ġdida. Il-paċi magħkom.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.