Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Milied tal-Ġublew tal-Ħniena


3. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 30 ta’ Diċembru 2015.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

F’dawn il-jiem tal-Milied għandna quddiemna lil Ġesù Bambin. Jien ċert li fid-djar tagħna ħafna familji għadhom jagħmlu l-presepju, biex ikomplu din it-tradizzjoni sabiħa li tmur lura għal San Franġisk ta’ Assisi u li żżomm ħaj fi qlubna l-misteru ta’ Alla li sar bniedem.

Id-devozzjoni lejn Ġesù Bambin hi mxerrda sew. Bosta qaddisin għożżewha fit-talb tagħhom ta’ kuljum, u xtaqu jsawru ħajjithom fuq dik ta’ Ġesù Bambin. Qed tiġini f’moħħi b’mod partikulari Santa Teresa ta’ Lisieux, li bħala soru Karmelitana kellha l-isem ta’ Teresa ta’ Ġesù Bambin u tal-Wiċċ Imqaddes. Hi – li hi wkoll Duttur tal-Knisja – għarfet tgħix u tagħti xhieda ta’ dik it-“tfulija spiritwali” li naslu għaliha propju billi nimmeditaw, fl-iskola tal-Verġni Marija, l-umiltà ta’ Alla li għalina ċċekken. U dan hu misteru kbir, Alla hu umli! Aħna li aħna mkabbrin, mimlijin vanità u naħsbu li aħna xi ħaġa, m’aħna xejn! Hu, li hu kbir, jibqa’ umli u jsir tarbija ċkejkna. Dan hu tassew misteru! Alla hu umli. Xi ġmiel!

Kien hemm żmien meta, fil-Persuna divina-umana ta’ Kristu, Alla kien tarbija, u dan għandu jkollu tifsira partikulari għall-fidi tagħna. Hu minnu li l-mewt tiegħu fuq is-salib u l-qawmien tiegħu huma l-ogħla espressjoni ta’ l-imħabba li biha fdiena, imma ma ninsewx li l-ħajja tiegħu kollha fuq din l-art hi rivelazzjoni u tagħlim. Fi żmien il-Milied niftakru fih bħala tarbija. Biex nikbru fil-fidi għandna bżonn nikkontemplaw iżjed ta’ spiss lil Ġesù Bambin. Ċertament, ma nafu xejn fuq dan il-perjodu. Il-ftit indikazzjonijiet li għandna jirriferu għall-għoti ta’ l-isem wara tmint ijiem minn twelidu u għall-preżentazzjoni fit-Tempju (ara Lq 2:21-28); u barra minn hekk, għaż-żjara tal-Maġi bil-ħarba, wara, għall-Eġittu (ara Mt 2:1-23). Imbagħad, hemm qabża kbira sat-tnax-il sena, meta ma’ Marija u Ġużeppi jitla’ pellegrinaġġ Ġerusalemm għall-Għid, u minflok jerġa’ lura mal-ġenituri tiegħu, jibqa’ fit-Tempju jitkellem ma’ l-imgħallmin tal-liġi.

Kif nistgħu naraw, ftit nafu dwar Ġesù Bambin, imma nistgħu nitgħallmu ħafna minnU jekk inħarsu lejn il-ħajja tat-tfal. Hi drawwa sabiħa li għandhom il-ġenituri, in-nanniet, dik li jħarsu lejn it-trabi, jiflu xi jkunu jagħmlu.

Niskopru, qabel xejn, li t-trabi u t-tfal ifittxu l-attenzjoni tagħna. Huma jridu joqogħdu fiċ-ċentru. Għaliex? Għax huma mkabbrin bihom infushom? Le! Għax għandhom bżonn iħossuhom protetti. Anki aħna għandna bżonn inqiegħdu fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna lil Ġesù u li nkunu nafu, anki jekk tidher ħaġa paradossali, li għandna r-responsabbiltà li nipproteġuh. Irid joqgħod f’dirgħajna, jixtieq li nieħdu ħsiebu u jwaqqaf ħarstu f’tagħna. Barra dan, inġagħlu lil Ġesù Bambin jitbissem biex nuruh imħabbitna u l-ferħ tagħna li Hu fostna. It-tbissima tiegħu hi sinjal ta’ l-imħabba li tagħtina ċertezza li aħna maħbuba. It-trabi, fl-aħħar nett, jieħdu gost jilagħbu. Imma li noqogħdu nilagħbu mat-tfal ifisser li nwarrbu l-loġika tagħna biex nidħlu f’tagħhom. Jekk irridu li jieħdu gost, hemm bżonn nifhmu x’jogħġob lilhom, u ma nkunux egoisti u nġagħluhom jagħmlu dak li jogħġob lilna. Din hi tagħlima għalina. Quddiem Ġesù aħna msejħin inħallu l-pretensjoni tagħna ta’ awtonomija – u dan hu l-ġist tal-problema: il-pretensjoni ta’ awtonomija li għandna –, biex minflok nilqgħu l-vera forma ta’ libertà, li tikkonsisti f’li nafu lil min għandna quddiemna u naqduh. Din it-tarbija hi l-Iben ta’ Alla li ġie biex isalvana. Ġie fostna biex jurina l-wiċċ tal-Missier għani fl-imħabba u fil-ħniena. Ejjew mela rrossu ma’ dirgħajna lit-Tarbija Ġesù, ningħataw għas-servizz tagħha: Hi għajn ta’ mħabba u ta’ serenità. U tkun ħaġa sabiħa jekk il-lum, meta mmorru lura d-dar, nersqu qrib tal-presepju u nbusu lil Ġesù Bambin u ngħidulu: “Ġesù, jien irrid inkun umli bħalek, umli bħal Alla”, u nitolbuh din il-grazzja.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s