L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mar-residenti tad-Dar tal-Providenza


Fl-ewwel jum tas-Sena l-Ġdida 2016, inġabret is-somma rekord ta’ €1,040,855 waqt l-għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità organizzata minn RTK4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb għen biex għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom u jkunu parti mid-divertiment li kien għaddej taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ.

Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali. Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha. L-ewwel żjara saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Id-Dar Tal-Providenza, is-Siġġiewi
“Iħenn għalina Alla, u jberikna” (S 66, 2). Dan il-vers mis-Salm 66 jiġbor is-sentimenti tagħna fil-bidu tas-sena l-ġdida. Il-Knisja tfakkar lill-Imqaddsa Marija Omm Alla fl-ewwel jum tas-sena u titlob l-interċessjoni tal-mama ta’ Ġesù biex ikollna sena mimlija barka u risq.

Din is-sena Ġubilari tal-Ħniena, il-barka tal-Mulej nixtiequha li tkun espressjoni tal-ħniena tiegħu, espressjoni tal-ħniena tiegħu li mbagħad tagħtina qawwa kbira li nħennu għal xulxin u għall-proxxmu tagħna. “Iħenn għalina Alla u jberikna; idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!”. Din l-espressjoni tas-Salm 66 hija wkoll riflessa fl-Ewwel Qari meta Mose ġie ordnat mill-Mulej biex jagħti barka speċjali fuq il-poplu b’dawn il-kliem: “Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena!” (Num 5, 24-25).

Aħna miġburin f’dan il-maqdes ta’ kult u ta’ karità, ta’ qima lil Alla, u ta’ għożża kbira lil ħutna li, meta nħarsu lejhom l-ewwel reazzjoni tagħna hi li ninġibdu lura, imma meta nieqfu u naħsbu fil-ħniena li għamel magħna l-Mulej, is-sentiment tagħna jimbidel f’sentiment ta’ vera ħniena li mhix il-ħasra, għax nitħassrek, imma nħenn għalik billi nħobbok. Għaliex għandna bżonn li l-Mulej iħenn għalina u jberikna, li jdawwal id-dija ta’ wiċċu fuqna? Is-salm jagħtina risposta: “biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus is-salvazzjoni tiegħek” (S 66, 3).

Dan il-post irid ikun u jibqa’ bħalma ilu f’dawn l-aħħar ħamsin sena, frott ta’ l-ispirazzjoni ta’ Mons. Mikiel Azzopardi u tal-ġenerożità tal-poplu Malti, dan il-post irid jibqa’ xhieda tal-barka u tal-ħniena li jkollna fil-qalb tagħna u madwarna meta nħennu għal xulxin, meta kull wieħed u waħda minna, huma min huma, isibu post fil-qalb tagħna u fis-soċjetà tagħna.

Ejjew nitolbu biex il-persuni b’diżabilità jsibu post li jixirqilhom fis-soċjetà tagħna u jkollhom l-għożża u l-kura li tagħhom din id-Dar tal-Providenza hija xhieda importanti. Il-kelma tal-Evanġelju f’Malta tkun isbaħ dejjem daqs kemm aħna nieħdu ħsieb lil ħutna l-iżjed vulnerabbli, dawk li għandhom bżonn l-iżjed kura, għożża u anke l-ħsieb tagħhom.

Iberikna Alla tal-ġenerożità tagħna u jurina lil Omm tiegħu bħala mudell sabiħ ta’ għożża materna li meta semgħet dak kollu li r-rgħajja kellhom x’jgħidu fuq it-tarbija ta’ Betlem, ma maritx ixxandar mal-erbat irjieħ kemm kien kbir it-tifel li tweldilha, imma għamlet żewġ affarijiet: waħda minnhom qiegħda fil-Vanġelu tal-lum: żammet f’qalbha l-kliem li semgħet b’għożża kbira (ara Lq 2, 19), imbagħad appena setgħet, kompliet bil-ħajja normali tagħha. Fit-tħabbira tal-anġlu hi kienet taf li l-Iben li ġarret fil-ġuf kien l-Iben t’Alla u l-ewwel reazzjoni tagħha kienet li tmur tgħin lil qariba tagħha Eliżabetta. Illum aħna nieħdu dawn l-eżempji sbieħ ta’ Marija u napplikawhom għalina.

Fil-background nimmaġinakom qegħdin tisimgħu lir-residenti jirreaġixxu bil-mod tagħhom għal-bidu tas-sena b’xi kumment, hawn xi ħadd qed jitfa’ l-bews; jiena nixtieq nirrikambja ma’ kull wieħed u waħda minnhom f’isem il-poplu Malti. Tisimgħu ċ-ċapċipa wkoll?

Nirringrazzjakom bil-qalb tal-ġenerożità kollha li se turu llum f’dan l-ewwel jum tas-sena mad-Dar tal-Providenza, f’isem ir-residenti nirringrazzjakom u nbierek lil kull familja f’Malta u Għawdex biex f’isem il-Mulej aħna naħdmu biex f’din is-Sena tal-Ħniena nuru ħniena ma’ xulxin u ma ninsew qatt lil ħutna li għandhom bżonn speċjali tal-għożża u tal-kura tagħna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.