Il-Knisja f’Malta tilqa’ żewġ kandidati għas-saċerdozju


Il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa tal-Epifanija fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Matul din il-Quddiesa, l-Arċisqof laqa’ uffiċjalment żewġ seminaristi bħala kandidati għas-saċerdozju. Dawn huma Anton D’Amato, mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq, u Bernard Micallef, mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

“Fi żmien is-sultan Erodi xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: ‘fejn hu dak li twieled Sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tiela u ġejna nqimuh’ ” (Mt 2, 1-2).

Il-mistoqsija tal-Maġi hija l-mistoqsija li titnissel fil-qalb ta’ kull bniedem: ‘Fejn hu?’ Ir-risposta niċċelebrawha llum f’din il-festa li isimha jindika t-tweġiba tal-Mulej: Epifanija – il-Mulej li juri lilu nnifsu lill-ġnus, lill-popli kollha, u li jagħti mhux biss il-mistoqsija fil-qalb tal-bniedem, imma wkoll jagħti r-risposta. Ir-risposta li tingħata lill-Maġi u lilna, hija tarbija mfisqija minn ommha, b’żewġha jieħu ħsieb dawn iż-żewġ teżori tiegħu. Hija xena sempliċi u fl-istess ħin qawwija ħafna.

Il-Maġi marru Ġerusalemm ifittxu lis-sultan tal-Lhud. Segwew il-loġika tal-poter, il-loġika politika ta’ din id-dinja. Is-sultan issibu fil-palazzi, is-sultan issibu fiċ-ċentru tas-setgħa, imma l-profezija kienet tindika villaġġ żgħir: “U int Betlehem, int tissejjah l-iżgħar, imma m’intix l-iżgħar għax minnek joħroġ mexxej”. Imma dan il-mexxej mhuwiex deskritt fil-profezija bħala sultan imma bħala ragħaj, “Joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Israel” (ara Mik 5, 1.3). L-ewwel titlu sabiħ fil-profezija jindika s-sinifikat profond tas-saltna ta’ Ġesù, saltna li kellha twasslu fuq is-salib.

It-titlu li jagħtuh il-Maġi, is-sultan tal-Lhud, insibuh fil-kundanna tiegħu: Ġesù Nazzarenu sultan tal-Lhud (ara Ġw 19,19). Dan it-titlu mal-ewwel ipoġġina fil-perspettiva ta’ x’kellha tkun il-missjoni vera ta’ Ġesù li jirgħa l-poplu tal-Mulej, il-poplu ta’ Israel, billi jagħti ħajtu, u jagħti ħajtu saċ-ċarċir tad-demm. Mhux ta’ b’xejn fost ir-rigali hemm ukoll il-mirra, il-mirra li tippreserva, il-mirra li biha kienu jippreparaw il-katavri għad-dfin, il-mirra li kienet ukoll parti mill-fejqan. Dan l-element li jiġi mis-siġar u min natura jgħaqqad il-fejqan mal-misteru tal-mewt. Fil-mirra ma narawx biss in-natura umana ta’ Ġesù imma wkoll il-kapaċita’ tiegħu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, li jfejjaq u jagħti ħajtu. Id-deheb u l-inċens, dawk li se jinġarru fuq l-iġmla, u fuq id-dromedarji, ifakkruna fir-regalità tal-Mulej u fid-divinita tiegħu.

‘Fejn Hu?’ Din hija mistoqisja li ħafna mill-kontemporanji tagħkom, għeżiez Anton u Bernard, nagħmlulkom: fejn hu Alla tiegħek? Fejn hu dak li inti tadura? Fejn hu dak li inti se tagħti ħajtek għalih u għall-Knisja tiegħu? Fejn hu? Tibżgħux tħarsu lejn dak kollu li hu ċkejken, mhux biss fil-Lhudija, imma fid-dinja għax għandkom ċans ħafna ikbar li ssibu ’l Mulej u tindikawh lil ħaddieħor.

Fis-Sena tal-Ħniena, llum irridu niċċelebraw u nfakkru l-fatt li l-Epifanija tfisser ukoll il-ħniena tal-Mulej li tinxtered lill-ġnus, mhux lilna biss li aħna ta’ ġewwa. “Intom smajtu bil-pjan tal-grazzja” (Ef 3, 2), pjan mhux strateġiku jew politiku imma ta’ grazzja, ta’ mħabba gratuwita’, ta’ mħabba li ma tħobbx għax tara xi mertu jew xi sbuħija jew xi tjubija, imma tħobb. Dan huwa misteru li ma kienx mgħarraf imma issa ġie rrivelat: “jiġifieri li l-pagani huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda fi Kristu Ġesù permezz tal-Evanġelju” (v. 6).

Għeżież Anton u Bernard, intom u tagħtu ħajjitkom għall-Evanġelju, intom u titolbu lill-Knisja tilqagħkom bħala kandidati għas-saċerdozju, qisu li l-messaġġ li twasslu jkun messaġġ miftuħ għal kulħadd, għal dawk kollha li llum “huma msejħa biex ikollhom sehem mill-istess wirt, ikunu membri tal-istess ġisem, ikollhom sehem mill-istess wegħda”.

Din il-kelma hija l-isbaħ kelma li setgħet tingħad għalina l-Maltin meta nkitbet, għax aħna l-Maltin meta nkitbet din il-kelma lill-Efesin, konna fost il-pagani u aħna bil-ħidma tal-istess appostlu li kiteb dan il-kliem, ġejna msejħa għall-istess wirt, sirna membri tal-istess ġisem ta’ Ġesù Kristu, ikollna sehem mill-istess wegħda permezz tal-Evanġelju. Meta ż-żgħażagħ sħabkom, u dawk kollha li se tiltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħkom il-quddiem, jistaqsukom: ‘fejn hu?’, tibżgħux tindikawh imsallab is-Sultan tal-Lhud, Ġesù Nazzarenu. Tibżgħux intom u ssemmu d-deheb u l-inċens, issemmu wkoll il-mirra għax il-mewt tiegħu u bil-mewt tiegħu ksibna l-fejqan.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.