Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-opri tal-ħniena huma r-ruħ tal-fidi tagħna


Il-Ħamis 7 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-opri tal-ħniena huma r-ruħ tal-fidi tagħna f’Alla, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa bena l-omelija fuq it-tema ‘Nibqgħu f’Alla’ meħuda mill-ewwel qari tal-quddiesa, silta mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu. Li nibqgħu f’Alla hu n-nifs tal-ħajja Nisranija għax in-Nisrani hu dak li jibqa’ f’Alla, li għandu fih l-Ispirtu u jitmexxa minnu, qal Franġisku.

L-Appostlu, kompla jgħid il-Papa, iwissina biex ma jkollniex fidi f’kull spirtu. Għalhekk irridu nittestjaw lill-ispirti biex inkunu ċerti jekk dawn humiex ġejjin minn Alla. Din hi r-regola li jgħallimna San Ġwann għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Xi jfisser li tittestja l-ispirti? Dawn mhumiex fantażmi, osserva Franġisku, imma jfisser li nikkonċentra biex nara x’qed jiġri f’qalbi, liema hu l-għerq ta’ dak li qed inħoss bħalissa, minn fejn ġej: jekk dak li qed inħoss hux ġej minn Alla jew mill-antikrist.

Il-mondanità, żied il-Qdusija Tiegħu, hi proprju l-ispirtu li jbegħidna minn Alla, mill-Ispirtu li jgħinna nibqgħu fil-Mulej. Liema kriterju nistgħu nużaw biex nagħmlu dan id-dixxerniment?, staqsa l-Papa. L-Appostlu Ġwanni jagħti parir wieħed: kull spirtu li jagħraf lil Ġesù li sar laħam, ġej minn Alla; kull spirtu li ma jagħrafx lil Ġesù, mhux ta’ Alla.

Il-kriterju hu l-inkarnazzjoni. Jien nista’ nħoss ħafna affarijiet ġewwa fija, jista’ jkolli ideat tajbin, imma jekk dawn l-ideat, is-sentimenti, ma jressqunix lejn Alla li sar bniedem, lejn il-proxxmu, lejn ħija, dawn ma jkunux ġejjin minn Alla. Għalhekk San Ġwann jibda l-ittra tiegħu: Dan hu l-kmandament ta’ Alla: li nemmnu fl-isem tal-Iben tiegħu Ġesù Kristu u nħobbu lil xulxin.

Nistgħu nimtlew bi pjani pastorali, u nivvintaw kif se nersqu lejn in-nies, imma jekk ma nimxux fit-triq ta’ Alla magħmul bniedem biex jimxi magħna, ma nkunux mexjin fit-triq tal-ispirtu t-tajjeb. Dan ikun l-antikrist, il-mondanità, l-ispirtu tad-dinja.

Fil-ħajja niltaqgħu ma’ ħafna nies li jidhru spiritwali li mbagħad ma jridux jitkellmu dwar l-opri tal-ħniena. Imma l-opri tal-ħniena huma l-konkretezza tal-fidi tagħna, tal-istqarrija tagħna li Iben Alla sar bniedem: inżuru lill-morda, nagħtu jiekol lil min hu bil-ġuħ, nieħdu ħsieb lil min hu mwarrab. Għaliex? Għax dawn kollha ħutna li għandna nħobbuhom, kollha huma ‘laħam ta’ Kristu’. Alla sar bniedem biex jidentifika ruħu fil-bniedem.

Allura tagħtux widen għal kull spirtu, reġa’ wissa l-Papa, ittestjawh: il-qadi tal-proxxmu, ta’ ħija, oħti fil-bżonn, anke ta’ parir, ta’ widna biex tismagħhom. Dawn huma s-sinjali li juruna li mexjin fit-triq it-tajba, fit-triq tal-ispirtu t-tajjeb, tal-Verb t’Alla li sar bniedem.

Nitolbu llum lill-Mulej il-grazzja li nagħrfu sewwa xi jkun qed jiġri fil-qalb tagħna, liema għażliet qed nagħmlu, dak li l-aktar qed imexxina: jekk hux l-ispirtu li jmexxini lejn il-qadi tal-oħrajn jew hux l-ispirtu tad-dinja li jġegħelni ndur biss madwari, mal-għeluq tiegħi, mal-egoiżmi tiegħi, u ma’ affarijiet bħal dawn. Nitolbu l-grazzja li nagħrfu dak li jkun qed jiġri fi qlubna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s