Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

It-taqbida ma’ Alla


It-Tlieta 12 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Waqt l-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, il-Papa għamel riflessjoni fuq il-qawwa tat-talb, li hu l-veru mutur tal-Knisja.

 

Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari mill-Ktieb ta’ Samwel li fih hemm tliet protagonisti: Anna, is-saċerdot Eli u l-Mulej.  Il-mara kienet tmur fit-tempju kull sena flimkien ma’ żewġha biex tqim il-Mulej, Kienet mara devota, mimlija fidi li kellha salib għax kienet sterili u xtaqet tarbija.

It-talb ħerqan ta’ Anna juri li hi kienet kważi titqabad mal-Mulej u twiegħed li jekk ikollha tifel ittih kollu kemm hu lill-Mulej.  B’umiltà kbira, osserva l-Papa, Anna kienet tagħraf li hi skjava u miżerabbli.

Anna għamlet ħilitha kollha biex tasal għal dak li xtaqet.  Ninnutaw l-insistenza tagħha li nduna biha s-saċerdot Eli għax kien qed iħares lejn ħalqha waqt li kienet titlob f’qalbha u ċċaqlaq biss xufftejha.  L-Iskrittura ttina immaġni qawwija għax turina l-kuraġġ li kellha din il-mara ta’ fidi li kienet titlob il-grazzja lill-Mulej bid-dmugħ u bis-sofferenza tagħha.

Fil-fatt, osserva l-Papa, fil-Knisja hemm ħafna nisa twajba bħalha li jmorru jitolbu qieshom qed jagħmlu xi mħatra u fakkar f’Santa Monika, omm Santu Wistin li wara snin twal qalgħet il-grazzja tal-konverżjoni ta’ binha.

Il-Papa mbagħad għadda biex jirrifletti fuq is-saċerdot Eli, li ma kienx raġel ħażin imma kien imsejken. Franġisku stqarr li jħoss ċertu simpatija lejh għax hu wkoll isib fih innifsu difetti li jqarrbuh lejn Eli, u għalhekk jifhmu sewwa.

Dan is-saċerdot anzjan kien waqa’ fil-bruda, kien tilef id-devozzjoni u ma kellux ħila jwaqqaf liż-żewġ uliedu li minkejja li kienu saċerdoti kienu delinkwenti.  Eli kien imsejken u mingħajr saħħa u għalhekk ma setax jifhem il-qalb ta’ din il-mara, tant li meta raha ċċaqlaq xufftejha ħaseb li kienet xurbana.

Din hi lezzjoni għalina lkoll għax aħna faċilment niġġudikaw lill-oħrajn.  Meta tonqos il-ħniena mill-qalb, qal Franġisku, dejjem mnispiċċaw naħsbu ħażin, niġġudikaw ħażin forsi biex niġġustifikaw lilna nfusna.

Tant ma fehemhiex Eli li fl-aħħar staqsiha kemm se ddum biex tgħaddilha s-sakra.  Hawn toħroġ l-umiltà ta’ Anna li ma tweġibx bi kliem iebes, ma tlumux minħabba l-imġieba ta’ uliedu imma tgħidlu li hi mara mkissra u li ma xorbitx inbid imma qed tiftaħ qalbha beraħ mal-Mulej u dak li qed tagħmel hu frott tad-dwejjaq kbar li kellha u tal-inkwiet.

Kliemha, qal il-Papa juri li qed tafda għal kollox fil-Mulej.  Dan ifakkarna fi Kristu fl-ort tal-Ġetsemani meta hu wkoll wieġeb bil-manswetudni bħalma għamlet din il-mara.  Kultant, osserva Franġisku, nitolbu ħafna lill-Mulej imma ma nafux naslu għall-punt tat-taqbida, għad-dmugħ, biex nitolbu xi grazzja.

Il-Papa semma’ każ li ġara fis-Santwarju ta’ Luan fi Buenos Aires fejn kien hemm familja li kellha tifla żgħira marida ħafna, f’xifer il-mewt.  Missierha, ħaddiem umli u ta’ fidi, mar quddiem il-Madonna, fis-santwarju li kien mas-70 kiometru bogħod.  Wasal meta kullimkien kien magħluq u qabad mal-grada fejn baqa’ jitlob sal-5 ta’ filgħodu.

Baqa’ jitlob u jibki u jitqabad ma’ Alla biex bl-interċessjoni ta’ Marija, bintu tfiq.  Meta reġa’ lura lejn l-isptar għat-8 ta’ filgħodu sab lill martu tibki u ħaseb li binthom kienet mietet.  Imma hi qaltlu li t-tobba kienu qalulha li ma kinux jafu x’ġara u t-tifla se jibgħatuha lejn id-dar.

Dan ifisser li bil-fidi u bit-talb, bil-konvinzjoni li Alla jista’ kollox, dan il-missier ifakkarna fil-mara tal-Bibbja li mhux biss qalgħet il-grazzja li jkollha iben imma l-Bibbja tgħidlina li kellha ħafna aktar.  Fuq kollox kella l-ħila li ċċaqlaq il-qalb bierda tas-saċerdot tant li qalilha: Mur fil-paċi, Alla ta’ Iżrael itik dak li tixtieq.  B’hekk reġgħet tqanqlet il-qalb saċerdotali tiegħu li n-nar tagħha kien għoddu ntefa’.

Din hi t-tagħlima, qal il-Papa: it-talb jagħmel il-mirakli anki ma’ dawk l-Insara, huma min huma, li tilfu d-devozzjoni.  Barra minn hekk, it-talb tal-fidili jibdel il-Knisja: mhux aħna l-Papiet, l-isqfijiet, is-saċerdoti u s-sorijiet li ngħinu l-Knijsa timxi ‘l quddiem, imma huma l-qaddisin.  U l-qaddisin huma dawk li jixbħu lil din il-mara, li għandhom il-kuraġġ li jemmnu li Alla hu l-Mulej u jista’ jagħmel kollox.

Il-Papa ħeġġiġna biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jkollna fiduċja fit-talb, li nitolbu bil-kuraġġ u biex inqanqlu fina l-kumpassjoni meta nkunu tlifniha ħalli flimkien mal-poplu t’Alla mmorru niltaqgħu miegħu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s