L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa mal-Kappillani waqt il-Live-in annwali


Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Jannar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa flimkien mal-kappillani ta’ Malta u Għawdex, fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù. Din il-Quddiesa ġiet iċċelebrata matul il-live-in annwali tal-kappillani, fejn flimkien mal-Isqfijiet jitolbu u jiddiskutu diversi realtajiet pastorali.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù

Ippermettuli nibda din ir-riflessjoni bil-frażi li laqtitni mill-Ewwel Qari tal-lum (1 Sam 3, 1-10.19-20) li nafuh ilkoll u li nużawh ħafna, b’mod speċjali fil-pastorali vokazzjonali.

Laqatni ħafna l-mument fejn il-Mulej jiġi, jieqaf ħdejn Samwel u jirrepeti ismu. Il-Mulej li mhux biss jinżel biex isejjaħ lil Samwel imma jieqaf biex ikun ħdejh. Għalhekk huwa Deus vocans, il-Mulej li qed isejjaħ, imma wkoll Deus praesens, il-Mulej li qiegħed miegħi. Waqt li aħna nirriflettu dwar il-vokazzjoni tagħna, dwar il-missjoni li nirċievu mill-Knisja, ta’ min niftakru f’dawn iż-żewġ atteġġjamenti tal-Mulej. Il-Mulej qiegħed isejjaħli, imma l-Mulej jieqaf ukoll ħdejja, jieqaf miegħi, iweżżinni.

Frażi oħra li laqtitni hija dik li jgħid Samwel u li hija rripetuta darbtejn. Hija frażi li jissuġġerilu Għeli. Filfatt Għeli jgħidlu “mur orqod, jekk jerġa jsejjaħlek, wieġeb: ‘Tkellem, Mulej għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. Hekk jgħid Samwel, “tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. Din il-frażi tolqotni għaliex qed tgħid lill-Mulej: ‘jekk titkellem se jkollok min jisimgħek, tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’. Il-qaddej li juri d-disponibbiltà biex jisma’, u allura l-Mulej jista’ jitkellem. Jekk aħna nippreokkupaw ruħna bid-dixxerniment, ta’ min il-Mulej nirrepetulu din il-kelma li Għeli ssuġerixxa lil Samwel u Samwel b’ubbidjenza rrepeta: “Tkellem, għax aħna qegħdin nisimgħu”.

Jista’ jkun li aħna jkollna diffikultajiet fid-dixxerniment pastorali u konkret għax irridu nitkellmu aħna, u hekk ma jkunx hemm dixxerniment vera. Hemm bżonn għalhekk li nidħlu fl-atteġġjament tas-smigħ imbagħad inkunu nistgħu ngħidulu ’l Mulej: “tkellem, Mulej, kellem lil qalb tagħna, għax aħna qegħdin nisimgħu”.

Għalhekk, il-profeta – għax Samwel irċieva din il-missjoni li jkun profeta – huwa dak li l-ewwel jattira l-kelma billi jisma’, imbagħad meta jismagħha jkun jista’ jxandarha. Allura l-profezija tagħna tibda minn dan l-atteġġjament radikali, eżistenzjali tas-smigħ, dak li Salm 39 – li mbagħad tużaha anke l-Ittra lil-Lhud – isarfu billi nagħmel ir-rieda tal-Mulej: “hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek”. Għalhekk, id-disponibbiltà tiegħi lejn is-superjuri tatttira l-missjoni mingħand Alla. Jekk jiena għandi l-proġett tiegħi, m’għandix iżjed spazju għall-proġett tal-Mulej! Din id-disponibbilità li hija smigħ u ubbidjenza. Nafu wkoll l-assonanza bejn audire u obaudire, li inti tisma’ u tobdi. Aħna fil-lingwa tagħna nafuha: ‘isma’ minni’, mhux biss ismagħni, imma ‘isma’ minni’, is-smigħ li jsir ubbidjenza.

“Int ma tgħaxxaqtx b’sagrifiċju u offerta imma widnejja inti ftaħtli”. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, bħala Knisja, bħala parrokat, niftħu widnejna għall-kelma tal-Mulej, imma ngħidulu: ‘tista’ titkellem għax aħna lesti nisimgħu’. Imma jekk aħna nittarrxu għall-Mulej, allura qed ngħidulu bil-pulit: ‘jekk jogħġbok agħlaq ħalqek’.

Alla jaf ukoll jieħu paċenzja bit-truxija tagħna għaliex fil-milja taż-żminijiet bagħat il-kelma tiegħu li tlaħmet – Verbum dei caro factum est. (Ho Logos sarx egento). Dan il-Logos, din il-kelma, tkellem. Aħna għadna kemm iċċelebrajna dan il-misteru kbir ta’ din il-Kelma li hi minn dejjem, li ssir laħam biex il-Mulej ikun Għimmanu-El, jieqaf magħna bil-preżenza tiegħu. Smajna dwar l-missjoni konkreta tiegħu l-bieraħ, waqt il-Qari tal-Quddiesa, u llum inkomplu nisimgħu silta mill-ewwel kapitlu ta’ San Mark (Mk 1, 29-39). Ġesù joħroġ mis-Sinagoga, fejn kulħadd huwa affaxxinat bl-awtorità tiegħu. Hu jitkellem bis-setgħa, exousia. Ousia hija s-sustanza, il-qalb ukoll, hija l-personalità. Ġesù kien jitkellem mil-qalb u bil-qalb għalhekk kellu l-awtorità. Exousia hija propju xi ħaġa li toħroġ minnek, mhux qrajtha jew qed tikkupjaha. Dik hija s-setgħa ta’ Ġesà, is-setgħa li ġejja minn qalbu mimlija imħabba u allura hija kemm setgħa u fl-istess ħin imħabba għaliex l-essenza tal-qalb ta’ Ġesù hija l-imħabba għall-umanità. “Dehret l-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin” – dan li ċċelebrajna f’dawn il-jiem u dan li niċċelebraw f’kull paġna tal-Vanġelu. Benignitas et humanitas, dak li jgħid Pawlu lil Titu: apparuit benignitas et umanitas salvatoris Dei nostri Jesu Christi.

Ħareġ mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ dawk l-erba’ dixxipli għand il-kunjata ta’ Pietru, il-famuża kunjata. Il-bieraħ Ranier Fsadni qalilna biex ma nkunux kunjata, imma nkunu omm! Jien dejjem naffaxxina ruħi bis-silenzju tal-Vanġelu fuq it-tgergir kbir li għamlet il-kunjata ta’ Pietru meta dan telaq kollox u mar wara Ġesù. Immaġinaw is-sitwazzjoni fil-familja ta’ Pietru. Dan jitlaq kollox u jmur wara mastrudaxxa ta’ 30 sena, iħalli kollox warajh. X’ma qalitx omm il-mara, x’ma qalitx il-kunjata! Ir-risposta ta’ Ġesù hija li jfejjaqha.

Taffaxinani ħafna r-risposta ta’ Ġesù li jisma’ li din il-kunjata ta’ Pietru hija fis-sodda bid-deni, malajr qalulu biha – din l-urġenza li jgħidulu – u hu jfejjaqha mid-deni. Imbagħad il-konverżjoni ta’ din il-kunjata! Id-deni ħalliha u bdiet isservihom. Li ġara huwa li fehmet il-fatt li Pietru jmur wara Ġesù jfisser li hi se tkabbar il-familja tagħha. Jiġifieri mhux biss Pietru reġa’ lura d-dar tagħha, imma bil-preżenza ta’ Ġesù fid-dar tagħha jew tagħhom, għax kienu jkunu djar fejn tgħix ir-razza u r-radika, tidħol il-barka, jidħol il-fejqan, tidħol ukoll il-familja l-ġdida tad-dixxipli. U hi ssib il-missjoni li tkun qaddejja tal-Knisja u qaddejja ta’ Ġesù. Imma r-risposta ta’ Ġesù turi wkoll il-manswetudni tiegħu. Jiena dan jaffaxinani f’din ix-xena: m’hemmx djalogu bejn il-kunjata u Ġesù, imma hemm il-fejqan u d-djakonija, il-fejqan li jwassal għad-djakonija. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna, bħala Knisja ngħaddu mill-fażi tal-kunjata billi nħallu lil Ġesù jfejjaqna u nsiru verament qaddejja.

F’Kafarnahum, il-fejqan tal-kunjata ma jibqax inosservat u allura ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda. L-istess kif ġara wkoll f’Malta meta Pawlu fejjaq lil missier Publiju, u ġabulu l-morda kollha tal-gżira. Il-fejqan li jattira! Aħna, l-aħwa, jekk fil-ministeru tagħna nwasslu l-fejqan ta’ Ġesù, allura nattiraw lil tant nies li għandhom għatx għal fejqan, mhux lejna imma lejn Ġesù.

Tolqotni wkoll, l-aħwa, u nixtieq ninsisti ftit bejnietna, id-distinzjoni li għamel San Mark bejn fejqan u eżorċiżmu, għax aħna għandna ħafna professuri li meta nitkellmu fuq l-eżorċizmu jgħidu: ‘dik kwistjoni ta’ psikoloġija, ħallina mix-xjaten’, jew inkella ‘dak kien mod Bibliku biex inti tfisser mard li ma kienux jafu minn fejn ġej, allura kollox attribwit lix-xjaten jew lid-dehriet’, ħaġa li għadha magħna. Imma l-Vanġelu jinsisti fuq il-ministeru tal-fejqan u fuq l-eżorċiżmu. “Fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard u ħareġ għad kbir ta’ xjaten”. San Mark stess, fil-Kapitlu 16, – f’dak il-qari li aħna, peress li huwa marbut ħafna mal-Magħmudija tagħna l-Maltin u l-Għawdxin, naqraw fin-nawfraġju ta’ San Pawl – jirrakonta li fl-aħħar Ġesù jgħid lil Ħdax: “morru fid-dinja kollha”, u jgħidilhom ukoll “dawn ikunu s-sinjali: f’ismi tkeċċu x-xjaten … taqbdu s-sriep b’idejkom, … tpoġġu jdejkom fuq il-morda u dawn ifiequ,”.

Aħna dan il-qari naqrawh, għaliex skond l-Atti tal-Appostli, fil-miġja ta’ San Pawl fostna, tnejn minn dawn is-sinjali missirijietna rawhom b’għajnejhom – il-poter fuq is-sriep u l-fejqan. Huma dawn tnejn mis-sinjali li Ġesù jgħid li jissieħbu mal-kelma, jissieħbu mal-appostli, “li jsieħbu lil dawk li jemmnu” (Mk. 16, 17). Aħna, allura, fil-pastorali tagħna, rridu nemmnu fil-qawwa tal-fejqan spiritwali wkoll li għandha element ta’ eżorċiżmu.

Biċ-ċaħda lix-xitan fil-magħmudija li niċċelebraw, u dak li niċċelebraw b’solennità kbira fil-Vġili tal-Għid, il-Missierna li nitolbu uffiċjalment tliet darbiet kuljum: “eħlisna mid-deni”, hemm bżonn ukoll neżorċizzaw lil xulxin, anke fis-sagrament tal-qrar. Il-ħtieġa li inti tersaq lejn is-sagrament tal-qrar bħala kappillan, bħala saċerdot, bħala Isqof, biex tinħeles min-nases u mill-inganni ta’ Satana.

Żewġ affarijiet oħra li huma ta’ lezzjoni importanti u li għadna fl-ewwel ġurnata sħiħa ta’ Ġesù, imma li tiġbor fiha ħafna mill-atteġġjamenti fundamentali tiegħu huwa l-atteġjament ta’ distakk. Meta jgħidulu: “kulħadd jistaqsi għalik”, hu x’jagħmel? Jgħid: “Ejjew immorru band’oħra”. Id-distakk ta’ Ġesù mill-fehma, mill-popolarità li ġġiblu l-missjoni tiegħu, “Ejjew immorru band’oħra”. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna l-missjoni li rċevejna mill-Knisja, jiena magħkom, ngħixuha b’distakk kbir. Allura jiena ma nippreokuppax ruħi meta minflok likes ikolli min jagħmel unlike, minkejja li m’għandix Facebook. Ejjew inħarsu lejn id-distakk qaddis ta’ Ġesù.

L-aħħar lezzjoni imma l-iżjed waħda fundamentali hija li l-Iben t’Alla magħmul bniedem, “filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, iqum, joħroġ u jmur f’post imwarrab biex jitlob”. L-Iben ta’ Alla magħmul bniedem! Aħna nassoċjaw it-talb ta’ Ġesù mal-Vanġelu ta’ San Luqa, imma San Mark f’dan l-ewwel kapitlu juża’ ħafna verbi għal dan mument fil-ġurnata ta’ Ġesù: “L-għada fil-għodu kmieni, qabel żernaq”, għadna fid-dlam, “qam, ħareġ mar f’post imwarrab, qagħad hemm jitlob”. X’nistgħu ngħidu lilna nfusna? Dak li jgħid Tertulljanu, “Jekk l-Iben t’Alla ħass il-bżonn li jinġabar fit-talb, min jien jien biex ngħid m’għandix ħin?” Min jien jien? “Il-loġika tal-missjoni tiegħi ma tirrendix, non tornano i conti”.

Nirringrazzja ħafna lil għażiż Dun Pawl Cardona, anke tar-riflessjonijiet li tana dalgħodu u li ġabuli ħafna nostalġija dawn il-kliem li ili nismagħhom minn meta kont saċerdot żagħżugħ. Inti Dun Pawl, ma semmejtx ħaġa li jiena tgħallimt minnek għax int kont għidtli: “F’Ħamis ix-Xirka, ċempel lill-Isqof li ordnak u għidlu grazzi”, xi ħaġa li kien jixtieq l-Isqof Guglielmo Giaquinta. Din il-ħaġa nissuġġerihilkom. Jiena nirringrazzja lil Alla li lil Mons. Mercieca li ordnana, din il-ħaġa għamiltha kull sena. Imma kemm hi ħaġa sabiħa li anke jekk u meta l-Mulej isejjaħ lill-isqof li ordnana, almenu fil-qalb tagħna nuru gratitudni kbira lejn dan id-don straordinarju li aħna irċivejna, minkejja d-dgħufija tagħna, forsi għax ħares lejn id-dgħufija tagħna. Aħna ġarar tal-fuħħar, min imxellef minn hawn, min iż-żebgħa ma ġietx tajba minn hemm, imma xorta poġġa teżor kbir fina li jalla jkun għall-ġid tal-Knisja u għall-glorja tal-Mulej.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.