Il-baħar

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli l-grazzja li nagħmel l-irtir tas-sena fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Għawdex. Ngħid grazzja l-għaliex illum li tinqata’ mir-rutina tas-soltu biex tidħol fil-kamra ta’ ġewwa ta’ qalbek hija tassew grazzja mill-kbar nett.

Sewwa jgħidu: “San Franġisk ikattar!” Familja tar-ruħ għoġobha twassalni sal-vapur iċ-Ċirkewwa. Fis-7.41 pm imxejt sal-vapur. Tlajt. U, dritt dritt, mort nintasab fuq wieħed mill-bankijiet ta’ barra r-restorant. Għażilt li noqgħod in-naħa li tagħti lejn Kemmuna. Ħassejt li dik illejla kelli nirrifletti bil-bosta.

X’ħin wasalt poġġejt il-basket l-iswed u l-ieħor taċ-ċarruta fuq il-bank vojt ta’ biswiti. U, mas-7.45 pm bum, bdejna insalpaw lejn il-Gżira t’Għawdex. Il-vapur mill-ewwel wieġeb għat-taħlil tal-ħbula. L-għaliex daħal, ħelu ħelu, fiż-żifna tal-vjaġġ lejn il-Ġżira ta’ Oġiġia. Il-Gżira tal-ħolm li ħolom biha l-għaref Omeru fl-Odissea.

Fettilli immur inserraħ minkbi mal-puġġaman tal-ħadid tal-vapur. U taħti sewwa ilmaħt tapit kbir u skur. Tapit li, meta kont għadni qrempuċu, kont nismagħhom jgħidu li “żaqqu ratba imma rasu iebsa”. L-istess mela bħar-raġel jew mara wikkiela li, jgħidulhom kemm jgħidulhom biex iżommu l-brejkijiet, xorta waħda jibqgħu jibilgħu kulma tara l-vista t’għajnejhom!

Quddiem il-lewn sewdieni tal-baħar għajnejja donnhom tkaħħlu miegħu. U l-mistoqsija li ġriet fil-kuruturi ta’ moħħi f’dak il-ħin u li ħassejtha nieżla max-xewka ta’ dahri kienet: “Mela x’hemm fih dan l-univers li bħalissa ninsab imdawwar fih?” Nammetti. Għall-ewwel tkexkixt. F’moħħi għadda l-ħsieb tan-nies bibbliċi li kienu jgħidu li fil-baħar jgħixu l-mostri. Bħall-Levjatan. Immaġina ftit! L-abbissi tal-ilmijiet! Hawnhekk stajt nara l-għerf tagħhom li meta kienu jbaħħru kienu jaraw li jagħmlu dan viċin kemm jista’ ikun mal-kosta. L-għaliex min hu tabilħaqq fiż-żgur f’nofs il-baħar?

U meta kważi qbiżna l-Gżira ħelwa ta’ Kemmuna għajnejja inħaslu bid-dmugħ. L-għaliex f’moħħi ġew dawk l-imsejkna ħutna li ħallew ħajjithom nhar is-Sibt 30 t’Ottubru 1948. Dakinnhar il-luzzu li kienu fuqu niżel fil-qiegħ sewwasew ħdejn blata kbira li hija magħrufa aħjar bħala “Taċ-Ċawl”. Mietu 23 persuna fosthom mara, żewġ kuntistabbli Għawdxin u membru tal-M.U.S.E.U.M miż-Żurrieq li kien tela’ Għawdex biex jagħti xi lezzjonijiet. Tlabt għalihom minn l-qalbi l-għaliex il-frak ta’ ġisimhom, midfun fil-qiegħ nett ta’ dak il-wied daqstant kbir, mudlam, u mgħotti bl-ilma, kien qiegħed iva jitlobni bil-ħniena biex niftakar fihom quddiem Alla l-Ħallieq u l-Feddej.

“L-ilma Patri! Kemm hu fond!” qaluli żewġ ħaddiema minn tagħna abbord il-vapur. Tant li wieħed minnhom offrieli tazza ilma friska li tant apprezzajtha. L-ilma! Din id-darba dan l-ilma ma beżżagħnix. Anzi! Ħjieni! Tani l-ħajja! Ħlewwietu nessietni t-togħma mistkerrħa tal-imluħa qerrieda li qerdet lil dawk l-imsejkna. Ħlewwiet l-ilma ħelu niżlitli l-pressjoni. U ferrħittni bil-ħlewwa sinċiera u tal-qalb ta’ dawn iż-żewġ ħaddiema li jagħmlu unur lill-kumpanija li magħha jaħdmu.

Il-ħlewwa tal-ilma! X’differenza iġġib! Il-ħlewwa fl-imġieba! X’faraġ tagħti! Mank ilkoll ikollna minnha daqs il-baħar li fuqu baħħart biex seħħli immur Għawdex għall-irtir ta’ din is-sena!

 

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading