Telfa u rebħa


Il-Ħamis 14 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Dalgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel omelija dwar il-qawwa tat-talb.

 

Il-Papa beda jitkellem dwar dak li ġara biex waslet it-telfa ta’ Iżrael li minħabba fiha kulħadd ħarab mit-tined. Kienet straġi kbira li fiha tilfu ħajjithom tletin elf ruħ. Intilfet l-Arka u mietu ulied Eli. B’hekk il-poplu kien tilef kollox, anke d-dinjità.

X’wassal għal dan minkejja li Alla kien dejjem mal-poplu tiegħu?, staqsa l-Papa. Il-fatt hu li ftit, ftit, il-poplu tbiegħed minn Alla u saħansitra kien beda jqim l-idoli. Minnu li n-nies kienu jmorru fit-tempju ta’ Silo, imma din kienet aktar drawwa milli devozzjoni. B’hekk ma baqgħux jaduraw lil Alla u dan telaqhom jagħmlu fattihom.

Wara li tilfu l-ewwel battalja, kompla jgħid il-Papa, l-anzjani staqsew għaliex Alla ppermetta li huma jisfaw megħlubin mill-Filistej, u riedu jmorru jġibu lura l-Arka tal-Patt.

Jiġifieri li dak il-ħin ftakru f’Alla, imma mhux bil-fidi. Marru biex jiksbu lura l-Arka qiesha din kienet xi ħaġa ‘maġika’, għax ħasbu li dik se ssalvahom. Imma fl-Arka kien hemm il-liġi li huma ma baqgħux jobdu.

Kisbu lura l-Arka imma wara ftit żmien ta’ biża’, il-Filistej għamlu l-qalb u rebħu, u wettqu straġi, minbarra li reġgħu ħadu l-Arka. Il-poplu, mingħajr suldati, mingħajr żgħażagħ, mingħajr Alla u mingħajr saċerdoti, kellu telfa totali.

It-tweġiba tal-poplu nsibuha fis-Salm 43, li fih il-poplu jilmenta li Alla telaqhom u ksiehom bil-mistħija. Is-Salmista jitlob lil Alla biex jerġa’ jqum u ma jaħbix aktar wiċċu minnhom. Meta l-poplu tbiegħed minn Alla, safa tellief.

Din hi lezzjoni għalina, qal il-Papa. Aħna wkoll nidhru devoti, imma qalbna fejn tinsab? Qiegħda ma’ Alla? Jew hi ftit jew wisq imċajpra u m’iniex qed nobdi l-kmandamenti?

Min-naħa l-oħra, il-Vanġelu jitkellem dwar rebħa. Il-lebbruż, osserva Franġisku, f’ċertu sens jisfida lil Ġesù: ‘Jekk trid tista’ tfejjaqni.’ Kien tellief għax maqtugħ mis-soċjetà, imma baqa’ jinsisti u Ġesù qallu: ‘Irrid, kun imfejjaq.’ Din kienet battalja oħra li spiċċat b’rebħa għax dak ir-raġel kellu fiduċja f’Ġesù, kellu l-fidi. Il-fidi hi dejjem rebbieħa. Hekk ġara lil-lebbruż.

Kien Ġesù nnifsu li qalilna li l-fidi ċċaqlaq il-muntanji, kompla l-Papa, u li kull ma nitolbu lill-Missier f’ismu, jingħatalna. Kollox possibbli basta jkollna l-fidi. U din hi r-rebħa tagħna.

Għaldaqstant, temm jgħid il-Papa Franġisku, għandna nitolbu lill-Mulej biex it-talb tagħna jkollu għeruqu fil-fidi. NitolbuH il-grazzja tal-fidi.

Infatti l-fidi hi rigal u ma nitgħallmuhiex mill-kotba. Hi rigal li għandna nitolbu lill-Mulej għalih: ‘Ġesù, nemmen.’ Nemmen bħal dak ir-raġel li talab lil Ġesù jfejjaqlu ‘l ibnu.

‘Nemmen Ġesù, minkejja l-fidi dgħajfa tiegħi.’ Nitolbu għalhekk il-grazzja li talbna jkun bil-fidi, li nkunu żguri li dak li nitolbuH se jingħatalna minħabba ċ-ċertezza li ttina l-fidi. Din tkun ir-rebħa tagħna: il-fidi tagħna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: