Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-fidi hi rigal li jbiddel il-ħajja u ma tistax tinxtara


Il-Ġimgħa 15 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta l-Papa Franġisku staqsa: Kif inhi l-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu? Biex nifhmu verament lil Ġesù ma jistax ikollna qalbna magħluqa.

 

L-ispunt għar-riflessjoni l-Papa ħadu mill-Vanġelu: in-nies tagħmel minn kollox biex tersaq lejn Ġesù mingħajr ma taħseb dwar ir-riskji li tista’ tidħol fihom, basta li tisimgħu jew tmissu ftit.

Fir-rakkont tal-fejqan tal-magħtub kif jippreżentahulna San Mark, tant kienet kbira l-folla li, biex sħabu ħaduh għand Ġesù, kellhom jaqilgħu biċċa mis-saqaf.

Din kienet il-fidi tagħhom, osserva l-Papa, l-istess bħal dik tal-mara li missitlu t-tarf tal-libsa biex tfiq u taċ-ċenturjun li xtaq il-fejqan tal-qaddej tiegħu.

Il-fidi qawwija hi kuraġġuża, qal Franġisku, timxi ‘l quddiem għax il-qalb tkun miftuħa.

Bil-fejqan tal-magħtub, Ġesù jagħmel pass ‘il quddiem. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu f’Nażaret, kien mar fis-sinagoga fejn qal li kien ġie mibgħut biex jeħles lill-imjassrin, lill-ħabsin u jrodd id-dawl lil-għomja…. Hawnhekk jagħmel xi ħaġa aktar: mhux biss ifejjaq. imma jaħfer id-dnubiet ukoll.

Kien hemm min kellu qalb magħluqa u kien jaċċetta, sa ċertu punt, li Ġesù kien ifejjaq il-mard. Imma li jaħfer id-dnubiet! M’għandux dritt jgħid dan għax Alla biss jaħfer id-dnubiet.

Imma Ġesù jaqralhom ħsibijiethom mingħajr ma jgħid li hu Alla. Minflok jistaqsihom: Għaliex qed taħsbu hekk? Biex jemmnu li l-Iben t’Alla għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet, qal lill-marid: ‘Qum, erfa’ friexek u mur.’ Hawnhekk Ġesù jibda juża lingwaġġ li f’ċertu punt beda jgerrex lin-nies. Kien diskors iebes meta qal li l-ikel tat-triq tas-salvazzjoni huwa Ġismu.

Aħna nifhmu, kompla l-Papa, li Alla jiġi biex ifejjaqna mill-mard, imma qabel kollox biex jeħlisna minn dnubietna u jwassalna għand il-Missier. Għalhekk ġie mibgħut. U dan hu diffiċli ħafna biex jinftiehem mhux mill-Iskribi biss.

Meta Ġesù jidher li għandu setgħa akbar minn dik ta’ bniedem, li jaħfer, li jagħti l-ħajja, biex joħloq mill-ġdid lill-umanità, anke d-dixxipli tiegħu daħlulhom id-dubji. U wħud minnhom telqu. Ġesù mbagħad jistieden lil dawk li baqgħu miegħu biex, jekk iridu, jitilqu huma wkoll.

Din hi l-fidi, il-fidi f’Ġesù Kristu. Kif inhi l-fidi tiegħi fiH?, staqsa l-Papa. Nemmen li Ġesù Kristu hu Alla, Iben Alla? Din il-fidi qed tibdilli ħajti? Qed twassalni biex tul din is-sena ta’ grazzja, ta’ maħfra, tqarribni lejn il-Mulej?

Il-fidi hi rigal li ħadd minna ma jimmerita. Ħadd ma jista’ jixtriha bil-flus. Il-fidi tiegħi f’Ġesù Kristu ġġegħelni nkun umli? U mhux qed nifhem umiltà, qal Franġisku, imma umiljazzjoni, indiema, għat-talba li tgħid: ‘Aħfirli Mulej. Int Alla. Int tista’ taħfirli dnubieti.’

Jalla l-Mulej ikattrilna l-fidi. In-nies kienu jfittxuh, kompla Franġisku, għax kien jitkellem bis-setgħa mhux kif kienu jagħmlu l-Iskribi. Kienu jmorru warajh għax kien jagħmel il-mirakli wkoll. Imma fl-aħħar, wara dak kollu li raw dawn in-nies, baqgħu mistagħġbin u bdew ifaħħru ‘l Alla.

It-tifħir huwa l-prova li jiena nemmen li Ġesù Kristu huwa Alla f’ħajti, li ntbagħat għalija biex jaħfirli. Dan hu t-tifħir. It-tifħir hu gratwit, huwa sentiment li jtina l-Ispirtu s-Santu, li jwassalna ngħidu: ‘Int biss Alla.’

Jalla l-Mulej ikattrilna din il-fidi f’Ġesù Kristu Alla, jaħfrilna u jtina li tul din is-sena ta’ grazzja din il-fidi tqanqalna biex infaħħruH.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s