L-Insara li jirraġunaw ‘għax dejjem hekk sar’ huma idolatri u ribelli


It-Tnejn 18 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fl-ewwel qari tal-lum Alla jiċħad lil Sawl li jsaltan fuq Iżrael. Dan għażel li jisma’ aktar lill-poplu milli l-leħen tal-Mulej, għalhekk ma jobdix. Wara rebħa f’battalja, il-poplu ried joffri sagrifiċċju lil Alla bl-aħjar mill-merħla, għax irraġuna li dejjem hekk sar.

 

Imma did-darba Alla ma riedx. Il-profeta Samwel iċanfar lil Sawl u jistaqsih jekk forsi lil Alla jogħġbuhx aktar is-sagrifiċċji mill-ubbidjenza lejn dak li jamar.

L-istess jgħid Ġesù fil-Vanġelu, osserva l-Papa Franġisku: id-dutturi tal-liġi ċanfruh għax id-dixxipli ma jsumux kif kien isir minn dejjem. Ġesù jwieġeb b’dal-prinċipju tal-ħajja: drapp qadim ma ssewwihx b’roqgħa ġdida u nbid ġdid ma jitqiegħedx f’damiġjana qadima.

Xi jfisser dan, li qed tinbidel il-liġi?, staqsa l-Papa. Le, imma li l-liġi qiegħda għas-servizz tal-bniedem li hu qaddej t’Alla u għalhekk il-bniedem irid ikollu qalbu miftuħa.

Kull meta ngħidu ‘għax dejjem hekk sar’, il-qalb tkun magħluqa għal Ġesù li qal: ‘Se nibagħtilkom l-Ispirtu s-Santu u Hu jwassalkom għall-verità sħiħa.’

Jekk qalbek hi magħluqa għan-novità tal-Ispirtu, ma tasal qatt għall-verità sħiħa! U l-ħajja Nisranija tiegħek tkun nofs bin-nofs, ħajja mraqqgħa, imsewwija bil-biċċiet ġodda imma fuq struttura li ma tkunx miftuħa għal-leħen tal-Mulej. Qalb magħluqa għax ma jkollokx ħila tibdel id-damiġjani.

Dan kien id-dnub tar-re Sawl, qal il-Papa, id-dnub li minħabba fih safa miċħud. Huwa d-dnub ta’ tant Insara li huma ggranfati mal-‘hekk dejjem sar’, li ma jisimgħux leħen il-Mulej, leħen l-Ispirtu li dejjem jissorprendina. Ir-ribelljoni, jgħid Samwel, hi dnub tad-divinazzjoni; ir-ras iebsa hi idolatrija.

L-Insara ta’ ras iebsa li jsostnu li ‘dejjem hekk sar’, li ‘din hi t-triq’, jidinbu: jagħmlu d-dnub tad-divinazzjoni. Qieshom qed imorru għand xi ħadd li jaqra l-futur: aktar importanti dak li ntqal, u li m’għandux jinbidel dak li nħoss jien, bil-qalb magħluqa tiegħi, milli l-Kelma tal-Mulej. Ir-ras iebsa hi wkoll dnub tal-idolatrija: in-Nisrani li jwebbes rasu jidneb – jagħmel id-dnub tal-idolatrija.

Allura liema hi t-triq? It-triq hi li niftħu qlubna għall-Ispirtu s-Santu, niddixxernu dak li jrid Alla.

Fi żmien Ġesù, kompla jgħid il-Papa, kienet drawwa li l-Iżraeliti l-bravi jsumu. Imma hemm realtà oħra: hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina lejn il-verità sħiħa. Għalhekk Hu għandu bżonn qlub miftuħa, qlub li ma jwebbsux rashom fid-dnub tal-idolatrija: li jaduraw lilhom infushom għax hu aktar importanti dak li jaħsbu huma milli s-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu.

Dan hu l-messaġġ li ttina l-Knisja llum, kompla l-Papa. Dan hu dak li Ġesù jgħid bil-forza: ‘inbid ġdid f’damiġjani ġodda’. Għan-novità tal-Ispirtu, għas-sorpriżi t’Alla jeħtieġ li jiġġeddu wkoll id-drawwiet.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, temm il-Papa, li jkollna qlubna miftuħin għal-leħen tal-Ispirtu, qlub li jagħrfu jiddixxernu bejn dak li m’għandu jinbidel qatt, għax hu fundamentali, u dak li għandu jinbidel biex inkunu nistgħu nilqgħu n-novitajiet tal-Ispirtu s-Santu.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.