M’hemmx qaddis mingħajr passat u m’hemmx midneb mingħajr futur


It-Tlieta 19 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Alla ma jieqafx fuq dak li jidher imma jara l-qalb. Hekk afferma dalgħodu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa għamel omelija dwar l-ewwel qari li jirrakkonta l-ħatra taż-żagħżugħ David bħala r-re ta’ Iżrael. Il-Papa osserva li anke fil-ħajja tal-qaddisin hemm it-tentazzjonijiet u d-dnubiet kif turi preċiż il-ħajja tar-re David. Imma l-Papa wissa li qatt ma nistgħu nużaw lil Alla biex noħorġu minn fuq.

Il-Mulej jiċħad lil Sawl għax kellu qalb magħluqa, ma kienx obdieh, u għalhekk jaħseb biex jaħtar re ieħor. Dan naqrawh fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel, fejn insibu l-ħatra ta’ David.

Għażla li hi bogħod mill-kriterji umani, osserva l-Papa, għax David kien l-iżgħar fost ulied Ġesse, tfajjel. Imma l-Mulej ifiehem lill-Profeta Samwel li għaliH ma jgħoddx dak li jidher, il-Mulej jara l-qalb.

Spiss, kompla l-Papa, aħna lsiera tal-apparenzi, skjavi ta’ dak li jidher, u nħallu dawn l-affarijiet imexxuna huma. Imma l-Mulej jaf il-verità. Din l-istorja hekk hi.

Jgħaddu s-seba’ ulied ta’ Ġesse u l-Mulej ma jagħżel ebda wieħed minnhom, iħallihom għaddejjin. Samwel iħoss ruħu f’diffikultà u lill-Missier jgħidlu: ‘Lanqas lil dan Mulej ma’ għażilt? Is-seba’ żgħażagħ kollha qiegħdin hawn.’ Imma hemm wieħed, iż-żgħir, li ma jiswiex, u bħalissa qiegħed jirgħa l-merħla. Għal għajnejn in-nies dan it-tfajjel ma kellux siwi.

Għan-nies ma kien xejn, kompla l-Papa, imma l-Mulej jagħżlu u jikkmanda lil Samwel jidilku u l-Ispirtu tal-Mulej niżel fuq David u minn dak il-jum il-ħajja kollha ta’ David saret waħda ta’ bniedem midluk mill-Mulej, maħtur mill-Mulej. Allura l-Mulej għamlu qaddis?, staqsa l-Papa. Le, hi t-tweġiba. Ir-re David hu l-Qaddis re David, dan minnu, imma qaddis wara ħajja twila, ħajja li fiha dineb ukoll.

Qaddis u midneb. Bniedem li għaraf jgħaqqad ir-renju, għaraf imexxi ‘l quddiem lill-poplu ta’ Iżrael. Imma kellu t-tentazzjonijiet tiegħu wkoll…. kellu wkoll dnubietu. Kien ukoll assassin. Biex jgħatti x-xewqat laxki tiegħu, id-dnub tal-adulterju…. ġiegħel li jsir qtil. Hu, il-Qaddis re David, qatel!

Imma meta Alla bagħat lill-Profeta Natan biex jurih din ir-realtà, għax hu ma kienx induna bil-kefrija li kien ordna li ssir, għaraf dnubu: dineb u talab maħfra.

B’hekk, kompla l-Papa, ħajtu baqgħet miexja ‘l quddiem. Ħa f’ġildu t-tradiment ta’ ibnu, imma qatt ma uża lil Alla biex jirbaħ il-kawża tiegħu. Il-Papa fakkar li meta David kellu jaħrab minn Ġerusalemm, bagħat lura l-Arka u stqarr li mhux se juża lill-Mulej biex jiddefendi ruħu. U meta kien ikun insultat, f’qalbu David kien jaħseb: Ħaqqni!

Imbagħad, innota Franġisku, tiġi l-qalb tajba u kbira: seta’ joqtol lil Sawl, imma m’għamilx hekk. Hekk hu l-Qaddis re David, midneb kbir imma niedem. Jien inħossni mqanqal, żied jgħid il-Papa, mill-ħajja ta’ dan ir-raġel, għax ifakkarna f’ħajjitna wkoll.

Ilkoll kemm aħna konna magħżulin mill-Mulej, permezz tal- Magħmudija, biex inkunu parti mill-poplu tiegħu, biex inkunu qaddisin; konna kkonsagrati mill-Mulej f’din il-mixja lejn il-qdusija.

U meta naqra dwar il-ħajja ta’ David, li minn tifel – għax kien tifel – imbagħad sar żagħżugħ, minn ġuvni sar raġel xiħ, li għamel tant affarijiet tajbin, u oħrajn mhux tant tajbin, jiġini f’moħħi li fil-mixja Nisranija, fil-mixja li l-Mulej stedinna nagħmlu, nifhem li m’hemm ebda qaddis mingħajr passat u lanqas ebda midneb mingħajr futur.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.