It-tnax-il kolonna


Il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Talb u xhieda, dawn huma ż-żewġ dmirijiet tal-isqfijiet li huma l-kolonni tal-Knisja. Iżda jekk dawn jiddgħajfu jbati l-poplu t’Alla kollu. Għalqadstant, waqt il-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku stieden talb bla heda għas-suċċessuri tat-tnax-il Appostlu.

 

Ir-riflessjoni dwar il-figura tal-missjoni tal-isqof kienet imnebbħa mill-pass tal-evanġelista Mark (3, 13-19), li nqara waqt il-liturġija tal-ġurnata. Hemm kelma, f’dal-pass tal-Vanġelu li tiġbed l-attenzjoni: Ġesù “għażel”. U dil-kelma tittenna darbtejn. Infatti Mark jikteb: “Għażel tnax li semmiehom appostli”. U mbagħad jerġa’ “Għażel għalhekk lit-tnax”, u jsemmiehom wieħed wieħed. Għalhekk, spjega l-Papa, minn fost tant nies li kienu jiġru warajh – jgħidilna l-Evanġelju – “sejjaħ għal miegħu lil dawk li ried”. U, appuntu, għażel tnax li semmiehom appostli. Fil-fatt, kompla Franġisku, kien hemm oħrajn, kien hemm id-dixxipli u f’pass minnhom l-Evanġelju jitkellem dwar tnejn u sebgħin. Iżda dawn kienu xi ħaġa oħra.

Lit-tnax għażilhom biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw bis-setgħa li jkeċċu x-xjaten, spjega l-Papa. Huwa l-aktar grupp importanti li għażel Ġesù, sabiex jibqgħu miegħu, qribu, u biex jibgħathom jipprietkaw l-Evanġelju. U Mark iżid jgħid li kellhom ukoll is-setgħa li jkeċċu x-xjaten. Dawk it-tnax huma propju l-ewwel isqfijiet, l-ewwel grupp ta’ isqfijiet.

Dawn it-tnax magħżula – innota Franġisku – kienu jagħrfu l-importanza ta’ dil-ħatra, tant illi wara li Ġesù tela’ s-sema, Pietru tkellem mal-oħrajn u spjegalhom li, minħabba t-tradiment ta’ Ġuda, kien meħtieġ li jsir xi ħaġa. U propju minn fost dawk li kienu ma’ Ġesù, mill-magħmudija ta’ Ġwanni sat-tlugħ fis-sema, huma għażlu “xhud” ieħor “magħna” tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu – jgħid Pietru. B’hekk, kompla l-Papa, il-post ta’ Ġuda nagħata lil Mattija, kien maħtur Mattija.

Imbagħad, il-liturġija tal-Knisja, skont espressjonijiet ta’ Pawlu, ssejjaħ lit-tnax “kolonni tal-Knisja”. Iva, afferma l-Papa, l-appostli huma l-kolonni tal-Knisja. U l-isqfijiet huma l-kolonni tal-Knisja. Dik il-ħatra ta’ Mattija kienet l-ewwel ordinazzjoni episkopali tal-Knisja.

Illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar l-isqfijiet, qal Franġsiku. Aħna l-isqfijiet għandna r-responsabbiltà li nkunu xhieda: xhieda li l l-Mulej Ġesù hu ħaj, li l-Mulej Ġesù qam, li l-Mulej Ġesù jimxi magħna, li l-Mulej Ġesù jsalvana, li l-Mulej Ġesù ta ħajtu għalina, li l-Mulej Ġesù hu t-tama tagħna, li l-Mulej Ġesù jilqagħna dejjem u jaħfrilna. Hekkhi x-xhieda. Konsegwenza ta’ dan, żied jgħid, ħajjitna dan għandha tkun: xhieda, xhieda vera tal-qawmien ta’ Kristu.

U meta Ġesù, kif jirrakkonta Mark, jagħmel din l-għażla, għandu żewġ raġunijiet. Qabelxejn biex jibqgħu miegħu. Għalhekk l-isqof għandu l-obbligu li jibqa’ ma’ Ġesù. Iva, hu l-ewwel dmir tal-isqof: li jibqa’ ma’ Ġesù. Tant hu minnu dan li meta f’dawk l-ewwel żminijiet, inqalgħet il-problema li ma tingħatax attenzjoni lill-orfni u r-romol, l-isqfijiet – dawn it-tnax – iltaqgħu u ppjanaw x’jistgħu jagħmlu. U introduċew il-figura tad-djakni għax qalu: Ħalli d-djakni jieħdu ħsieb l-orfni u r-romol. Filwaqt li għat-tnax, jgħid Pietru, id-dmir hu t-talb u t-tħabbir tal-Evanġelju.

Għalhekk, tenna Franġisku, l-ewwel dmir tal-isqof hu li jkun ma’ Ġesù bit-talb. Infatti l-ewwel dmir tal-isqof mhux dak li jfassal il-pjani pastorali.. le u le! Huwa t-talb: dan hu l-ewwel dmir. Filwaqt li t-tieni dmir hu li jkun xhud, jiġifieri jipprietka: jipprietka s-salvazzjoni li ġabilna l-Mulej.

Mhumiex żewġ doveri faċli – għaraf il-Papa – imma huma propju dawn iż-żewġ dmirijiet li jsaħħu l-kolonni tal-Knisja. Infatti, jekk dawn iż-żewġ kolonni jiddgħajfu għax l-isqof ma jitlobx jew jitlob ftit, jinsa jitlob; jew għax l-isqof ma jħabbarx l-Evanġelju, moħħu f’affarijiet oħra, il-Knisja tiddgħajjef; tbati. Il-poplu t’Alla jsofri. Propju għax il-kolonni huma dgħajfa.

Għal dir-raġuni, afferma Franġisku, illum jien nixtieq nistedinkom biex titolbu għalina l-isqfijiet: għax aħna wkoll midinbin, aħna wkoll għandna d-dgħufijiet tagħna, aħna wkoll ninsbu fil-periklu li nkunu Ġuda: hu wkoll kien ġie maħtur bħala kolonna. Iva, kompla jgħid, aħna wkoll ninsabu fil-periklu li ma nitolbux, li nagħmlu xi ħaġa li ma tkunx it-tħabbira tal-Evanġelju u t-tkeċċija tax-xjaten. Għal din ir-raaġuni l-Papa tenna l-istedina biex nitolbu ħalli l-isqfijiet ikunu dak li riedhom ikunu Ġesù ħalli “lkoll kemm aħna nagħtu xhieda tal-qawmien mill-mewt ta’ Kristu”.

Wara kollox, żied jgħid, il-poplu t’Alla jitlob għall-isqfijiet, f’kull quddiesa jsir talb għall-isqfijiet: isir talb għal Pietru, il-kap tal-kulleġġ episkopali, u jsir talb għall-isqof tal-post. Imma dan jista’ ma jkunx biżżejjed: l-isem jingħad bi drawwa u nibqgħu għaddejjin. Huwa importanti li nitolbu minn qalbna għall-isqof; lill-Mulej nitolbuh: “Mulej ħu ħsieb l-isqof tiegħi; ħu ħsieb l-isqfijiet kollha sabiex ikunu xhieda veri, isqfijiet li jitolbu, li jgħinuna bil-prietki tagħhom, biex nifhmu l-Evanġelju, biex niżguraw ruħna li Inti, Mulej, Int ħaj, tinsab fostna.

Qabel ma’ kompla l-quddiesa l-Papa mill-ġdid tenna s-suġġeriment li nitolbu għall-isqfijiet tagħna: dan hu dmir tal-fidili. Infatti l-Knisja mingħajr isqof ma tistax timxi. Allura, it-talb tagħna lkoll għall-isqfijiet tagħna hu dmir, imma dmir ta’ mħabba, dmir ta’ ulied fil-konfront tal-Missier, dmir tal-aħwa, sabiex il-familja tibqa’ magħquda fl-istqarrija ta’ Ġesù Kristu ħaj u rxuxtat.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.