Lil hinn mill-qies


Il-Ħamis 28 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Iċ-ċentru tar-riflessjoni li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta kien it-tema tax-xhieda bħala l-element sies tal-ħajja nisranija.

 

Imma x’inhuma l-karatteristiċi ta’ din ix-xhieda? Il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar din it-tema mnebbaħ mill-Evanġelju tal-ġurnata meħud minn Mark 4, 21-25, silta li nsibu dritt wara l-parabbola taż-żerriegħa.

Wara li kien tkellem dwar iż-żerriegħa li tagħti l-frott u dwar dik li meta taqa’ f’art mhix tajba ma tagħtix frott, Ġesù jkellimna dwar il-musbieħ li ma jitqiegħedx taħt il-modd imma fuq l-imnara. Dan – spjega l-Papa – huwa d-dawl, u l-Evanġelju ta’ Ġwanni jgħidilna li l-misteru ta’ Alla hu dawl u li d-dawl ġie fid-dinja iżda d-dlam ma laqgħux. Dawl, żied il-Papa, li ma jistax jinħeba, imma jservi biex idawwal.

Għalhekk din hi waħda mill-karatteristiċi ewlenin tan-nisrani, li mill-Magħmudija jkun irċieva d-dawl li għandu jifrex. In-nisrani, qal il-Papa, hu xhud. U propju l-kelma xhud tiġbor fiha wieħed mill-atteġġjamenti tipiċi tal-insara. Infatti n-nisrani li jġorr dan id-dawl irid jurih għax hu “xhud”. U jekk in-nisrani jippreferi li ma jurix id-dawl ta’ Alla u minflok juri d-dlam li għandu fih, allura jkun nieqes u mhux nisrani sħiħ. Parti minnu tkun “okkupata”, id-dlam ikun daħal f’qalbu għax ikun jibża’ mid-dawl, u jkun jippreferi l-idoli. Imma n-nisrani hu “xhud”, xhud ta’ Ġesù Kristu, dawl ta’ Alla. U għandu jqiegħed dak id-dawl fuq l-imnara ta’ ħajtu.

Is-silta tal-Evanġelju li ttina l-liturġija, tkellimna dwar “il-qies” u naqraw: “Bil-qies li intom tkejlu jitkejjel lilkom; anzi jingħatalkom aktar”. U din, qal Franġisku, hi “l-karatteristika tipika, l-atteġġjament l-ieħor”, tipiku tan-nisrani. Infatti dan ifisser “qalb ġeneruża”. Karatteristika oħra tan-nisrani hi l-qalb kbira għax in-nisrani hu iben missier ta’ qalb kbira, ta’ spirtu kbir.

Anki meta jgħid: “Agħtu biex jingħata lilkom”, il-qies li jitkellem dwaru Ġesù, spjega l-Papa, hu mimli sew, imfawwar”. Bl-istess mod il-qalb tan-nisrani hi qalb ġeneruża għall-aħħar. Hi qalb miftuħa, dejjem. Għalhekk mhix qalb magħluqa fiha nfisha, fl-egoiżmu tagħha. Mhix qalb li tistabbilixxi l-limitazzjonijiet, li toqgħod tqis u tgħodd sa fejn għandha tasal; sa hawn u mhux aktar ‘l hinn. U żied jgħid: Meta inti tidħol f’dan id-dawl ta’ Ġesù, meta inti tidħol fi ħbiberija ma’ Ġesù, meta tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxik, qalbek tinfetaħ, issir ġeneruża. F’dak il-waqt titqanqal dinamika partikolari: in-nisrani m’għandux qliegħ: jitlef. Imma fir-realtà jkun tilef biex jikseb xi ħaġa oħra, u bit-telf tal-interessi personali jirbaħ lil Ġesù, jikseb aktar għax isir xhud ta’ Ġesù.

Biex ikun aktar konkret fir-riflessjoni tiegħu, Franġisku dar lejn il-grupp ta’ saċerdoti konċelebranti li kienu qed ifakkru l-ħamsin anniversarju tal-ordinazzjoni tagħhom u qalilhom: ħamsin sena fit-triq tad-dawl u tax-xhieda, bl-impenn li titjiebu u li tqiegħdu d-dawl tagħkom fuq l-imnara; dawl li, din hija l-esperjenza ta’ kulħadd, ximindaqqiet jaqa’, imma li dejjem tajjeb li nieħdu ħsiebu u li nerġgħu nipproponuh lill-oħrajn bil-ġenerożità u b’qalb kbira.

U filwaqt li radd ħajr lis-saċerdoti għal dak kollu li għamlu “fil-Knisja, għall-Knisja u għal Ġesù”, awguralhom “ferh kbir minħabba li żergħu t-tajjeb, li dawwlu tajjeb u li fetħu dirgħajhom biex jilqgħu lil kulħadd b’qalb ġeneruża, il-Papa qalilhom ukoll: Alla biss u l-memorja tagħkom jafu kemm ilqajtu nies b’qalb ġeneruża, bit-tjubija ta’ missiriejiet, ta’ aħwa, u kemm dawwaltu nies b’qalbhom tqila, bid-dawl ta’ Ġesù. Għax, temm il-Papa Franġisku, fil-memorja ta’ poplu tibqa’ dejjem iż-żerriegħa, id-dawl tax-xhieda, il-qalb ġeneruża tal-imħabba li tilqa’.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.