Patri Mario Attard OFM Cap
Fil-ħajja ġieli jiġrulna ħwejjeġ li lanqas aħna stess ma nkunu kapaċi nfissruhom. Dan l-aħħar ingħatatli l-grazzja li ninżel fil-fond fil-ħajja ta’ xi ħadd li, bħali, qatta’ biċċa kbira minn ħajtu mal-morda fl-isptar. U dan ix-xi ħadd m’hu ħadd għajr it-tabib qaddis San Giuseppe Moscati.
Giuseppe Moscati (1880-1927), kien tabib, professur tal-mediċina u pijunier fil-qasam il-bijokemistrija. M’huwiex daqshekk komuni li professjonist, ġej minn università sekulari moderna, jiġi iddikjarat qaddis. Imma kemm hija xi ħaġa mill-isbaħ meta xjentist ta’ fama internazzjonali jispiċċa interċessur kbir għall-mirakli li jseħħu.
San Ġwanni Pawlu II, li ikkanonizza lil Dottor Moscati, irrefera għar-rabta bejn il-qdusija u l-mirakli fl-omelija tal-kanonizzazzjoni tiegħu. “Il-qdusija hija l-għaqda tal-bniedem ma’ Alla fil-qawwa tal-Misteru tal-Għid ta’ Kristu, fil-qawwa tal-Ispirtu tal-Verità u tal-Imħabba… L-Imħabba għandha l-qawwa li tgħaqqad il-bniedem ma’ Alla. U din l-imħabba definittiva timmatura permezz tax-xogħolijiet varji tal-karità li bniedem iwettaq tul ħajtu”. Għalkemm xi Insara huma suspettużi li għemejjel tajba jressquna viċin il-Mulej ejjew niftakru fil-kelma ta’ Ġesù Kristu stess li tgħidilna: “Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna… kont marid u ġejtu tarawni” (Mt 25:34. 36).
Il-ħajja ta’ San Giuseppe Moscati turi kemm il-fidi Kattolika u l-karità mgħixha fil-prattika għaqdu ħaġa waħda bniedem lajk mal-Mulej. F’Moscati l-qawwa ta’ Alla ħadmet fih u permezz tiegħu. Is-seba’ wild minn disa’ ulied ta’ familja aristokratika Taljana Giuseppe ma mexiex fil-professjoni legali ta’ missieru. Dan seħħ minħabba inċident fejn ħuħ ikbar minnu, Alberto, uffiċjal fl-artillerija, kien waqa’ minn fuq iż-żiemel u sofra trawma inkurabbli f’rasu. Għal snin sħaħ Giuseppe kien idewwieh fid-dar. Meta kiber huwa ġie aktar konxju tal-limiti tar-rimedji umani u tal-qawwa komfortabbli tar-reliġjon.
Minkejja li daħal bħala student fl-Università ta’ Napli, fl-1897, liema università kienet magħrufa għall-atmosfera anti-klerikali u l-anjostika li kellha u kif ukoll għas-soċjetajiet sigrieti tagħha Moscati intefa’ b’ruħu u ġismu fuq l-istudju filwaqt li issokta jipprattika l-fidi tiegħu. Kien fl-1903 meta Moscati kiseb id-dottorat bl-unuri.
Mal-kisba tal-lawrja tiegħu ta’ tabib Dottor Moscati mill-ewwel beda jipprattika l-mediċina fl-Isptar għall-Inkurabbli f’Napli. Huwa għallem ukoll korsijiet fil-mediċina ġenerali fl-istess università. Mill-ewwel sar l-amministratur tal-isptar. Moscati wera ħiliet straordinarji fil-mod kif kien jagħmel id-dijanjożi tal-mard tal-pazzjenti tiegħu. Fil-fatt, xi kollegi tiegħu għarrfu l-kapaċità li kellu li jżewweġ il-metodi tradizzjonali mas-sejbiet il-ġodda tax-xjenza l-ġdida tal-bijokemistrija.
L-istill tiegħu kien wieħed tassew ħolistiku. Fil-fatt kien jestendi lil hinn minn dak li wieħed seta’ jitgħallem fis-sala tal-lectures jew fil-laboratorju. Lil tabib novell, li fiż-żmien kien wieħed mill-istudenti tiegħu, Moscati jiktiblu hekk: “Ftakar, li int ma tridx biss tikkura iġsma imma wkoll erwieħ b’parir li jappella lill-imħuħ u l-qlub tagħhom ħafna aktar minn sempliċiment preskrizzjonijiet kiesħa li bihom imorru għand l-ispiżjar”. Merħla ta’ studenti interni kienu jsegwu lil Moscati waqt li kien iwettaq ir-rounds tiegħu fl-isptar bil-għan li jitgħallmu t-teknika tiegħu. Meta fl-1993 ikkonsagra l-Knisja f’ġieħ San Giuseppe Moscati fis-subborgi ta’ Ruma San Ġwann Pawlu II fisser il-metodu ta’ dan it-tabib kbir b’dan il-mod: “Flimkien mar-riżorsi tal-abbiltà magħrufa tiegħu biex jikkura l-morda Moscati uża l-umanità sensittiva tiegħu u x-xhieda tal-fidi tiegħu”.
Giuseppe Moscati kien iqis il-prattika medika tiegħu bħala appostolat lajkali. Il-professjoni tiegħu ta’ tabib kien iqisha bħala ministeru ma’ dawk li qiegħdin ibatu. Qabel kien jeżamina pazzjent jew kien jintefa b’ruħu u ġismu għar-riċerka Moscati kien ipoġġi lilu nnifsu fil-preżenza ta’ Alla. Dottor Moscati kien iħeġġeġ lill-pazzjenti tiegħu, speċjalment lil dawk li kienu se jiġu operati, biex jirċievu s-sagramenti. Huwa kien jieħu ħsieb mhux biss il-bżonnijiet spiritwali tal-pazzjenti tiegħu imma wkoll dawk temporali. Kien jikkura lill-pazzjenti fqar mingħajr ħlas. U, ta’ sikwit, kien jibgħat lil xi ħadd lejn id-dar b’envelope li fih kien ikun hemm il-preskrizzjoni tal-mediċina u kif ukoll karta ta’ 50 lire.
F’okkażjoni minnhom Moscati ipprattika l-karità b’mod erojku. Meta l-Vulkan Vesuvju żbroffa f’April tal-1906 Moscati għen biex jevakwa dar tal-kura li kienet f’żona perikoluża. Kien hu li personalment ħareġ lill-pazzjenti morda ‘il barra qabel ma sfronda s-saqaf tad-dar ftit minuti wara. Dan it-tabib qaddis kien iservi ukoll wara s-sigħat tax-xogħol tiegħu. Fil-fatt, fl-epidemija tal-kolera tal-1911 Moscati ikkura madwar 3,000 suldat matul l-Ewwel Gwerra Dinjija.
Mhux ta’ b’xejn li n-nies kienu jsejħulu “t-tabib qaddis ta’ Napli!” Moscati ħadem kemm felaħ biex jagħmel aktar umana l-professjoni medika bħala istituzzjoni. Kien minn ta’ quddiem nett kontra l-prattika inġusta tan-nepotiżmu u t-tixħim li kienu l-ordni tal-ġurnata biex wieħed seta’ jitla’ ‘il fuq fil-karigi fil-qasam tal-mediċina. Kieku ried seta’ jkollu karriera akkademika brillanti u jikseb il-kattedra ta’ professur ħalli jiddedika aktar ħin għar-riċerka. Madankollu Moscati ipprefera jissokta jaħdem mal-pazzjenti u li jħarreġ lill-istudenti interni tal-mediċina.
F’ittra oħra lil student ieħor tiegħu, Dottor Moscati kitiblu hekk: “Mhux ix-xjenza imma l-karità li biddlet lid-dinja”. Lil dan l-istudent Moscati fissirlu li huma ftit dawk li tniżżlu fil-kotba tal-istorja bħala nies tax-xjenza. Imma l-istudenti kollha tal-mediċina jistgħu iħallu d-dinja aħjar milli sabu bil-karità li jagħmlu. U lill-kollega tiegħu, tabib bħalu, Dottor Moscati kitiblu hekk: “Xjenza waħda biss ma titħarrikx, dik rivelata minn Alla, ix-xjenza tal-ħajja wara l-mewt! Fix-xogħlijiet kollha tiegħek, ħares lejn is-Sema, lejn l-eternità tal-ħajja u tar-ruħ, u imbagħad orjenta lilek innifsek ħafna aktar differenti mill-mod li l-kunsiderazzjonijiet umani jistgħu jissuġġerulek. U hekk ix-xogħol tiegħek se jkun imnebbaħ għat-tajjeb”.
Nhar it-Tlieta 12 t’April tal-1927 Giuseppe Moscati mar għall-quddiesa u tqarben bħalma soltu kien jagħmel. Imbagħad għamel ir-rounds fl-isptar. Wara li kiel l-ikla ta’ nofsinnhar ħassu bla saħħa, imtedd u miet fil-paċi. Ma kienx għadu għalaq 47 sena. Fl-1975 Moscati kien ibbeatifikat mill-Beatu Pawlu VI. Filwaqt li San Ġwann Pawlu II iddikjarah qaddis nhar il-25 ta’ Ottubru 1987 matul is-sinodu tal-isqfijiet fuq il-lajċi. Il-festa liturġika ta’ San Giuseppe Moscati tiġi iċċelebrata nhar is-16 ta’ Novembru.
Quddiem ħajja bħal din ma qgħadx nistenna s-16 ta’ Novembru, jum il-festa ta’ San Giuseppe Moscati, biex nagħtiha l-ġieħ li jistħoqqilha. Il-ħajja ta’ Moscati hija stedina għalina ilkoll, l-aktar lilna li naħdmu fil-qasam tas-saħħa, ħalli bħalu nagħtu kollox lil Kristu preżenti fil-pazzjenti tagħna. Dan jibqa’ dejjem appell urġenti li jinħtieġ li jissokta jitwettaq b’tant qlubija mistura għall-bniedem imma li tiddi għall-Mulej. Biex tara l-film ta’ San Giuseppe Moscati idħol fuq YOU TUBE u ikteb Giuseppe Moscati film. Jaffaxxinak żgur!