Id-dgħufija ġġegħilna nidinbu, imma qatt m’għandna nsiru korrotti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 29 ta’ Jannar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Nitolbu ‘l Alla biex id-dgħufija li minħabba fiha nidinbu ma tinbidilx f’korruzzjoni. Dan hu suġġett li l-Papa Franġisku tkellem dwaru bosta drabi u dalgħodu kien is-suġġett tar-riflessjoni tiegħu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 
Nistgħu nidinbu b’tant modi u għal kollox nistgħu nitolbu maħfra sinċiera lil Alla u nkunu nafu li mingħajr dubju l-maħfra tingħatalna, qal il-Papa. Il-problema tinqala’ mal-korrotti. L-agħar ħaġa fil-korrott hi li dan ma jħossx il-bżonn li jitlob maħfra għax għalih is-setgħa li tiġi mill-korruzzjoni tiegħu hi biżżejjed.

Din hi l-imġiba tar-re David meta jibda jħobb lil Betseba, il-mara ta’ uffiċjal. Il-Papa ta ħarsa lejn l-istorja kif irrakkuntata fil-Bibbja. Wara li sseduċa lil din il-mara u sar jaf li kienet tqila, David jagħmel pjan biex jgħatti l-adulterju. Isejjaħ lura lil Urija mill-battalja u joffrilu biex imur id-dar jistrieħ.

Urija, raġel leali, ma jħossx li għandu jmur id-dar ħdejn martu waqt li n-nies tiegħu kienu qed imutu fil-battalja. Allura David jipprova mod ieħor u jsakkar lil Urija, imma lanqas dan il-pjan ma ħadem.

B’hekk David sab ruħu f’diffikultà, imma baqa’ jmaħħaħ u kiteb ittra, kif smajna fil-qari, qal Franġisku, biex lil Urija jqegħduh fuq quddiem nett fejn il-battalja hi l-eqqel, imbagħad jordna li n-nies jirtiraw minn miegħu biex jintlaqat u jmut. Il-kundanna għall-mewt! Dar-raġel hu fidil, fidil lejn il-liġi, fidil lejn il-poplu tiegħu, fidil lejn ir-re tiegħu, imma jġorr miegħu l-kundanna għall-mewt.

David hu qaddis imma midneb ukoll, żied jgħid il-Papa, Jaqa’ fid-dnub tal-lussurja , madankollu Alla kien tant iħobbu. Però, il-kbir, in-nobbli David iħossu tant ċert minnu nnifsu, għax ir-renju hu b’saħħtu, tant li wara li għamel l-adulterju jagħmel minn kollox biex jordna l-qtil ta’ bniedem leali lejh, biex jidher li l-mewt kienet diżgrazzja tal-gwerra.

Dan hu waqt fil-ħajja ta’ David li jurina dak li nistgħu naħbtu miegħu tul ħajjitna: il-passaġġ mid-dnub għall-korruzzjoni. Hawnhekk David jagħmel l-ewwel pass lejn il-korruzzjoni. Għandu s-setgħa, il-qawwa.

Għalhekk il-korruzzjoni hija dnub li aħna lkoll li b’xi mod għandna f’idejna xi forma ta’ setgħa – setgħa ekkleżjali, reliġjuża, ekonomika, politika – faċli naqgħu fih, għax ix-xitan iġegħelna nħossuna żguri minna nfusna u naħsbu li waħedna nistgħu nagħmlu kollox.

Il-korruzzjoni, li r-re David rahan ruħu minnha bil-grazzja t’Alla, nawret il-qalb ta’ dak ‘iż-żagħżugħ kuraġġuż’ li kien tqabad mal-Filistew bi żbandola u ħames ċagħkiet.

Illum irrid nisħaq fuq ħaġa, kompla jgħid il-Papa: hemm waqt meta s-sitwazzjoni tagħna tkun tant żgura – meta l-oħrajn jarawna f’dawl tajjeb jew ikollna ħafna poter – li d-dnub ma jibqax dnub, imma jsir korruzzjoni.

Il-Mulej jaħfer dejjem, qal Franġisku. Imma waħda mill-affarijiet l-aktar koroh li għandha l-korruzzjoni hi li l-korrott ma jħossx li għandu bżonn jitlob maħfra: iħossu indifferenti lejha.

Ejjew nagħmlu talba llum, temm il-Papa, għall-Knisja – nibdew minna nfusna – għall-Papa, għall-isqfijiet, għas-saċerdoti, għall-persuni kkonsagrati, għall-fidili lajċi: ‘Mulej, eħlisna, salvana mill-korruzzjoni.’ Midinbin iva, ilkoll aħna hekk, imma korrotti qatt! Nitolbu din il-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: