Inkunu umli għax il-feriti tal-korruzzjoni huma diffiċli biex jitfejqu

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 1 ta’ Frar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-umiltà hi t-triq tal-qdusija, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

Ir-Re David kien qrib li jsir korrott imma l-Profeta Natan, mibgħut minn Alla, jfiehmu l-ħażin li kien għamel. Fl-omelija l-Papa tkellem dwar David, il-midneb imma wkoll qaddis.

 

Għalhekk David hu midneb imma mhux korrott għaliex, osserva l-Papa, il-korrott ma jagħrafx dnubu.

Tenħtieġ grazzja speċjali biex tibdel il-qalb tal-korrott. U David, li qalbu kienet għadha nobbli, qal: ‘Hu minnu li jiena dnibt!’ Jagħraf il-ħtija tiegħu. U x’jgħid Natan? ‘Il-Mulej jaħfer dnubek imma l-korruzzjoni li inti żrajt titkattar. Int qtilt innoċenti biex tgħatti l-adulterju. Ix-xabla qatt ma hi se titbiegħed minn darek.’

Alla jaħfer id-dnub, David jikkonverti, imma l-ġrieħi li ġġib il-korruzzjoni diffiċli jitfejqu. Qed naraw dan iseħħ f’tant inħawi tad-dinja!

David isib li jkollu jiffaċċja lil ibnu Assalonne, li hu korrott, li qed jagħmillu gwerra. Imma r-Re jiġbor lin-nies tiegħu u jaqtagħha li jitlaq mill-belt u jħalli l-Arka tmur lura, Ma jinqediex b’Alla biex jiddefendi ruħu. Jitlaq biex isalva l-poplu tiegħu. U din hi t-triq, sostna Franġisku; hi t-triq tal-qdusija li David, wara ż-żmien li fih kien daħal fil-korruzzjoni, beda miexi fiha.

Għalhekk David jibki u, b’rasu mgħottija, iħalli l-belt u jsib lil min imur warajh biex jinsultah. Fost dawn kien hemm Simej li jgħajru ‘mdemmi’, jisħtu. David jaċċetta dan għaliex, afferma l-Papa, jaħseb li la qed jisħtu, dan qed jagħmlu bil-kmand tal-Mulej.

Imbagħad David jgħid lill-qaddejja tiegħu: ‘Hekk hu, l-iben li ħareġ minni qed ifittex jeħodli ħajti. U allura, lil dan, nisel Benjamin, ħalluh jisħet, għax hekk ordnalu l-Mulej.’

David jaf jagħraf is-sinjali: hu l-waqt tal-umiljazzjoni tiegħu, u l-waqt li fih hu qed iħallas għall-ħtija tiegħu. ‘Forsi l-Mulej iħares lejn in-niket tiegħi u jpattili bit-tajjeb is-saħta tal-lum.’ U jintelaq f’idejn il-Mulej. Dan hu l-passaġġ ta’ David: mill-mument tal-korruzzjoni għall-fiduċja fil-Mulej. Din hi l-qdusija. Din hi l-umiltà.

Jien naħseb, reġa’ kompla Franġisku, li kull wieħed u waħda minna, jekk xi ħadd jgħidilna xi ħaġa, xi ħaġa kerha, mill-ewwel nibdew ngħidu li mhux minnu. Jew inkella nagħmlu bħal Simej, u nagħtu tweġiba aktar kerha.

L-umiltà, saħaq il-Papa, tista’ tasal ġol-qalb permezz tal-umiljazzjonijiet biss. M’hemmx umiltà mingħajr umiljazzjoni, u jekk f’ħajtek inti m’għandekx ħila tissaporti xi umiljazzjonijiet, int m’intix umli. Hu sempliċi u matematiku, żied id-doża l-Papa.

It-triq waħdanija tal-umiltà hi l-umiljazzjoni. L-għan ta’ David, li hu l-qdusija, jasal permezz tal-umiljazzjoni. L-għan tal-qdusija li Alla jagħti lil uliedu, li jirregala lill-Knisja, jasal permezz tal-umiljazzjoni ta’ Ibnu, li jħalli lil min jinsultaH, li jieħdu lejn is-Salib inġustament.

U dan Iben Alla li jumilja ruħu, huwa t-triq tal-qdusija. U bl-atteġġjament tiegħu David jipprofetizza din l-umiljazzjoni ta’ Ġesù.

Nitolbu lill-Mulej għal kull wieħed u waħda minna, għall-Knisja kollha, il-grazzja tal-umiltà, imma wkoll il-grazzja li nifhmu li mhux possibbli tkun umli mingħajr umiljazzjoni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: