L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Preżentazzjoni fit-Tempju


Nhar it-Tlieta 2 ta’ Frar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa tal-Kandlora: il-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, fil-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali, iż-Żejtun

Aħna nafu li fi ħdan Marija ta’ Nazaret kien hemm tarbija li ta tmint ijiem issejjħet Ġesù, ‘Alla jsalva’, u li kien il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Nistgħu ngħidu għalhekk li Marija u Ġużeppi, għalkemm fqar, kellhom l-ikbar offerta: dik li mhux biss se tpatti biex jinħeles l-ewwel wild bis-sagrifiċċju lil Alla, imma li se jeħles il-poplu kollu permezz tiegħu.

Għalhekk, il-kliem ta’ Xmun huma kliem li fil-ġenituri ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija, joħolqu stagħġib kbir. Xmun jgħid, “Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2, 30). X’qed jara Xmun? Qed jara tarbija ċkejkna ta’ 40 ġurnata. Iżda waqt li qed jilmah dik it-tarbija, bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu qed jagħraf li dik it-tarbija kienet il-mistenni, il-Messija, il-Kristu, il-Midluk, il-magħżul tal-Mulej.

“Dawl biex idawwal lill-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Israel” (Lq 2, 32). Mela din it-tarbija hija salvazzjoni, hija dawl u hija glorja – tliet tipi sbieħ li joqgħodu tant tajjeb għal Ġesù s-Salvatur tagħna. Huwa s-salvazzjoni tagħna għax jeħlisna mill-jasar tad-dnub, huwa dawl għax idawwalna fit-triq mudlama tal-ħajja, huwa glorja tal-poplu tiegħu, ta’ Israel.

Ġesù huwa wkoll “sinjal li jmeruh” (Lq 2, 34). Din ukoll hija l-profezija ta’ Xmun. Fit-tarbija ma jarax biss il-glorja, is-salvazzjoni u d-dawl, imma jara wkoll it-tbatija, jara t-tmerija, jara ċ-ċaħda tagħna l-bnedmin li ħafna drabi, minflok nirringrazzjaw lil Alla, nagħżlu li niddisprezzawh, nagħżlu li nweġġgħuh b’ilsienna, bl-għemil tagħna. “Ara, dan se jkun sinjal u jmeruh. Ikun okkażjoni li jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel” (v. 34). Għalfejn? Biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija tagħna. Jekk inti trid taf kemm isarraf il-bniedem, ifhem kif iħares u jitratta lil Alla, jekk ifaħħrux, jekk imaqdrux, għax aħna nissarfu wkoll minn kemm aħna kapaċi lil Alla ngħidulu grazzi minflok inweġġgħuh u nkasbruh.

Kien hemm ukoll profetessa, Anna bint Fanwel. X’kienet ir-reazzjoni meta semgħet il-profezija ta’ Xmun? Hi bdiet tfaħħar lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Inħarsu lejn Anna li kellha l-isem sabiħ ta’ omm il-Madonna, u nitolbu lill-Mulej biex bħalha, aħna nfaħħru ’l Alla, mhux inkasbruh, u jkollna l-kuraġġ nitkellmu fuq Ġesù ma’ dawk kollha li qed jistennew il-fidwa.

Ejjew nitolbu biex din il-festa tal-lum, li tfakkarna li Ġesù huwa dawl fid-dlam u għalhekk għamilna l-luċernarju, tinżel fil-qalb u fil-moħħ tagħna u tħalli din ix-xewqa: li aħna naraw lill-Mulej wiċċ imb wiċċ u fil-ħajja tagħna, bl-eżempju tajjeb tagħna, inkunu ta’ tifħir u ta’ glorja lill-Mulej.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.