Ħniena u Ġustizzja


6. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 3 ta’ Frar 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

L-Iskrittura Mqaddsa tippreżentalna lil Alla bħala ħniena bla tarf, imma anki bħala ġustizzja perfetta. Kif ngħaqqdu flimkien dawn iż-żewġ affarijiet? Kif nirrikonċiljaw ir-realtà tal-ħniena ma’ l-esiġenzi tal-ġustizzja? Jafu jidhru bħala żewġ realtajiet li jikkuntradixxu lil xulxin; fir-realtà m’huwiex hekk, għax hi sewwa sew il-ħniena ta’ Alla li twettaq il-vera ġustizzja. Imma x’ġustizzja hi din?

Jekk naħsbu fl-amministrazzjoni legali tal-ġustizzja, naraw li min iħoss li hu vittma ta’ xi abbuż imur għand l-imħallef f’qorti u jitlob li ssir ġustizzja miegħu. Qed nitkellmu fuq ġustizzja retributtiva, li tgħabbi lill-ħati b’piena, skond il-prinċipju li kulħadd għandu jieħu dak li ħaqqu. Kif jgħid il-ktieb tal-Proverbji: “Min iżomm mas-sewwa jkollu l-ħajja, imma min jimxi bil-ħażen jimxi lejn il-mewt” (11:19). Anki Ġesù jitkellem fuq hekk fil-parabbola ta’ l-armla li kienet tmur tiffitta lill-imħallef u titolbu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi” (Lq 18:3).

Imma din it-triq għadha ma twassalx għall-ġustizzja vera għax fir-realtà ma tegħlibx il-ħażin, imma sempliċement tillimitah. Min-naħa l-oħra, huwa biss jekk inwieġbu għalih bit-tajjeb li l-ħażin nistgħu tassew nirbħuh.

Mela araw mod ieħor kif issir ġustizzja li l-Bibbja tippreżentalna bħal triq għalliema li għandna nimxu fiha. Dan hu mod ta’ kif nimxu, li jevita li wieħed jirrikorri għall-qorti u jipprevedi li l-vittma tmur direttament għand il-ħati biex tistiednu għall-konverżjoni, waqt li tgħinu jifhem li qed jagħmel il-ħażin, u hekk tappella lill-kuxjenza tiegħu. B’dan il-mod, meta sa fl-aħħar jindem u jagħraf il-ħtija tiegħu, hu jista’ jinfetaħ għall-maħfra li qed toffrilu dik il-parti li sarilha t-tort. U din hi ħaġa sabiħa: ladarba tipperswadi ruħha li ħaġa hi ħażina, il-qalb tinfetaħ għall-maħfra li tiġi offruta lilha. Dan hu l-mod kif insolvu t-tilwim fil-familji, fir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin jew bejn ġenituri u wlied, fejn l-offiż iħobb lill-ħati u jixtieq isalva r-relazzjoni li torbtu ma’ l-ieħor. Taqtax dik ir-relazzjoni.

M’għandniex xi ngħidu, din hi mixja iebsa. Titlob li min ikun sarlu tort ikun lest li jaħfer u jixtieq is-salvazzjoni u l-ġid ta’ min offendieh. Hekk biss il-ġustizzja tista’ tittrijonfa, għax, jekk il-ħati jagħraf il-ħażen li jkun għamel u jieqaf jagħmlu, araw kif il-ħażen m’għadux hemm iżjed, u dak li kien inġust isir ġust, għax ġie maħfur u megħjun jerġa’ jsib it-triq tat-tajjeb. U hawn sewwa sew tidħol fil-biċċa l-maħfra, il-ħniena.

Huwa hekk li Alla jimxi magħna midinbin. Il-Mulej il-ħin kollu joffrilna l-maħfra tiegħu u jgħinna nilqgħuh u nagħrfu l-ħażen li għamilna għax irid jeħlisna minnu. Għax Alla ma jridx il-kundanna tagħna, imma s-salvazzjoni tagħna. Alla ma jrid il-kundanna ta’ ħadd! Xi ħadd minnkom jaf jistaqsini: “Imma Dun, il-kundanna ta’ Pilatu kienet tistħoqqlu? Alla riedha dik?”. Le! Alla ried isalva lil Pilatu u anki lil Ġuda, lil kulħadd! Hu Sid il-ħniena li jrid isalva lil kulħadd! Il-problema hi li aħna ma nħalluHx jidħol fil-qalb tagħna. Kliem il-profeti kollu hu sejħa ħerqana u mimlija mħabba li tfittex il-konverżjoni tagħna. Araw x’jgħid il-Mulej permezz tal-profeta Eżekjel: “Forsi jien togħġobni l-mewt tal-bniedem il-ħażin […] mhux aktar li jerġa’ lura minn triqatu u jgħix?” (18:23; ara 33:11), dak hu li jogħġob lil Alla!

U din hi l-qalb ta’ Alla, qalb ta’ Missier li jħobb u jrid li wliedu jgħixu fit-tjieba u fil-ġustizzja, u allura jgħixu l-ħajja fil-milja u jkunu hienja. Qalb ta’ Missier li tmur lil hemm mill-kunċett żgħir tagħna ta’ ġustizzja biex tiftaħna għall-ixfqa bla qies tal-ħniena tiegħu. Qalb ta’ Missier li ma timxix magħna skond id-dnubiet tagħna u ma tħallasniex skond ħtijietna, kif jgħid is-Salm (103:9-10). U hi sewwa sew qalb ta’ missier li aħna nixtiequ li niltaqgħu magħha meta nidħlu fil-konfessjonarju. Forsi jgħidilna xi ħaġa biex ifehimna aħjar x’inhu l-ħażin, imma fil-konfessjonarju kollha mmorru nfittxu missier li jgħinna nibdlu ħajjitna; missier li jagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin ’il quddiem; missier li jaħfrilna f’isem Alla. Għalhekk, li tkun konfessur hi responsabbiltà hekk kbira, għax dak l-iben, dik il-bint li tiġi għandek qed tfittex biss li ssib missier. U int, saċerdot, li qiegħed hemm fil-konfessjonarju, int tinsab hemm flok il-Missier li jagħmel ġustizzja bil-ħniena tiegħu.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.