Il-fidi hija l-akbar wirt li nistgħu nħallu


Il-Ħamis 4 ta’ Frar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-isbaħ wirt li nistgħu nħallu lil ta’ warajna huwa l-fidi, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Waqt l-omelija stedinna biex ma nibżgħux mill-mewt, għax wara, il-ħajja tagħna tkompli.

 

L-ewwel qari tal-lum ikellimna dwar il-mewt tar-Re David. F’kull ħajja hemm it-tmiem, stqarr Franġisku. Dan hu ħsieb li ftit jintgħoġob, dejjem nevitawh, imma hija r-realtà tal-ħajja ta’ kuljum.

Naħsbu f’dan l-aħħar pass li hu dawl li jiddi fuq il-ħajja, huwa realtà li dejjem għandna nżommu quddiem għajnejna.

F’waħda mill-udjenzi ta’ nhar ta’ Erbgħa, kompla jgħid il-Papa, fost il-morda kien hemm soru anzjana imma b’wiċċ ta’ paċi u ħarsa mimlija dawl. ‘Kemm għandek żmien, swor?’ staqsejtha. U bi tbissima qaltli: ‘Tlieta u tmenin, imma qed intemm il-mixja tiegħi f’dil-ħajja biex nibda l-oħra mal-Mulej, għax għandi kanċer fil-frixa.’

B’hekk, fil-paċi, dik il-mara kienet għexet ħajja kkonsagrata intensa u ma kellhiex biża’ mill-mewt, biex tibda l-ħajja lil hinn minna. ‘Qed intemm il-mixja ta’ ħajti biex nibda l-oħra.’ Dan hu passaġġ. Dawn l-istejjer huma ta’ ġid għalina.

David saltan fuq Iżrael għal erbgħin sena. Imma anke erbghin sena jgħaddu. Qabel ma miet David jeżorta lil ibnu Salamun biex josserva l-liġi tal-Mulej. Tul ħajtu David kien dineb ħafna, imma kien tgħallem ukoll jitlob maħfra tant li l-Knisja ssejjaħlu ‘Il-Qaddis Re David’!

Issa, fil-punt tal-mewt, lil ibnu jħallilu l-wirt l-aktar sabiħ u kbir li bniedem jista’ jħalli lil uliedu: iħallilu l-fidi.

Meta jkunu qed jagħmlu t-testment, in-nies jgħidu: ‘Lil dan se nħallilu dik u lill-ieħor se nħallilu dak…..’ Tajjeb, iva, imma l-isbaħ wirt li bniedem jista’ jħalli lil uliedu huwa l-fidi.

U David jiftakar fil-wegħdiet ta’ Alla, jiftakar fil-fidi li kellu f’dawn il-wegħdiet u jfakkar lil ibnu dwar dan.

Inħallu b’wirt il-fidi. Meta, waqt iċ-ċerimonja tal-Magħmudija, lill-ġenituri ntuhom ix-xemgħa mixgħula, id-dawl tal-fidi, inkunu qed ngħidulhom: ‘Ħarisha, kabbarha f’ibnek, f’bintek, u ħallihielhom b’wirt.’

Hekk jgħallimna David, li nħallu l-fidi b’wirt. Hekk miet, sempliċement, bħal kull bniedem ieħor. Imma jaf tajjeb x’parir għandu jagħti lil ibnu u liema hu l-aħjar wirt: mhux is-saltna, imma l-fidi!

Jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Liema hu l-wirt li se nħalli bil-ħajja tiegħi? Se nħalli wirt ta’ bniedem ta’ fidi? Lil niesi se nħallilhom dan il-wirt?

Nitolbu lill-Mulej żewġ affarijiet, temm il-Papa: li ma nibżgħux minn dan l-aħħar pass, bħal dik is-soru li ltqajt magħha waqt l-udjenza: ‘Qed intemm il-mixja tiegħi u se nibda l-oħra’ – li ma nibżgħux.

U t-tieni, nitolbuH biex aħna lkoll, b’ħajjitna nħallu bħala l-aħjar wirt, il-fidi, il-fidi f’dan Alla fidil, dan Alla li jinsab dejjem magħna, dan Alla li hu Missier u ma jqarraq qatt.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.