L-erba’ infermieriinn

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Kont dieħel wara nofsinnhar fl-isptar. Sewwasew mill-bieb tal-Amministrazzjoni. Dħalt mill-ewwel bieb. Imbagħad mit-tieni bieb. U fit-tielet bieb insibhom ilkoll warajh. L-erba’ li huma. L-erba’ infermiera.

Ma kienux liebsa kif soltu jkunu. Bl-uniformijiet tagħhom. Le! Kienu liebsin casual. Tal-gradwazzjoni. Fraħt magħhom l-għaliex naf kemm jaħdmu minn qalbhom. Għalkemm għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom. Fraħt l-għaliex nifhem is-sagrifiċċji li għamlu biex waslu fejn waslu illum. Jiena wkoll kont xi darba student universitarju. Għalhekk għandi ħjiel tas-sagrifiċċji li student irid jagħmel biex jasal fejn jixtieq.

X’ħin rajthom qabżitli demgħa. L-ewwel nett ta’ ringrazzjament lill-Mulej li qatt ma jħallina nieqsa minn nies dedikati li jagħtu ħajjithom għall-oħrajn. Min jaħseb li għax tkun infermiera se timla’ il-but bl-ewros ngħidlu li hu mqarraq bil-bosta u ma jafx x’inhu jgħid. Persuna tidħol infermiera mhux għall-flus. Tidħol infermiera biex taqdi. Biex tiddedika ħajjitha għall-pazzjenti li taqdi. Sewwa jgħidu mela li n-nursing huwa vokazzjoni! Interessanti li din il-kelma reliġjuża tfisser li l-persuna msejħa għandha missjoni. F’dan il-każ dik li tieħu ħsieb il-pazzjenti. Lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna medika u umana. U dan iseħħ kemm fil-ħinijet tal-uffiċċju u kemm f’dawk ta’ barra l-uffiċċju. Kemm-il darba infermieri u tobba taw is-servizz tagħhom meta kienu fuq btala. L-għaliex kien il-bżonn li talabhom jagħmlu hekk!

Id-demgħa li qabżitli kienet għan-nom tal-pazzjenti li se jibbenefikaw mis-servizz bnin li dawn ħutna se jagħtuhom. Kulħadd jaf li infermiera dejjem ikun hawn bżonnhom. U għada aktar millum. Speċjalment f’popolazzjoni li, aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħdha tikber fiż-żmien. Għalhekk importanti li din il-vokazzjoni nissuktaw nistudjawha aktar ħalli l-apprezzament tagħha mhux biss jiżdied imma wkoll biex aktar żgħażagħ u dawk anqas żgħażagħ jitħajru jidħlu fiha. Il-missjoni tan-nursing hija nobbli l-għaliex tinvolvi l-persuna kollha tal-infermiera. Fil-fatt l-infermiera għandha post mill-aktar speċjali ħdejn is-sodda tal-mard l-għaliex tikkumpanja emozzjonalment u spiritwalment lill-marid. Aktar mal-infermiera tkun taf lill-pazzjenti li tieħu ħsieb aktar tista’ tkun ta’ sapport għalihom. L-esperjenza tal-isptar tgħallimna li l-mediċina hija ħafna aktar minn sempliċi pillola, mistura, gel inkella intervent kirurġiku. Is-smiegħ tal-uġiegħ tal-persuna marida huwa importanti ħafna l-għaliex jiftaħha għar-riżorsi ġewwiena li hemm moħbija fiha innifsha.

Id-demgħa li qabżitli hija talba ta’ tama li dawn l-erba’ infermieri li kienu se jiggradwaw f’dik il-ġurnata jissuktaw jikbru fil-fervur tagħhom ħalli jissuktaw jaqdu minn qalbhom u bl-entużjażmu lill-pazzjenti li se jibbenifikaw mill-għajnuna tagħhom. L-entużjażmu huwa vibe importanti ħafna. Jgħaddi enerġija pożittiva u fejqana lil dawk li jkunu fil-viċinanza tiegħu. Biex l-infermiera jibqgħu dejjem friski fil-missjoni tagħhom huwa importanti li jistrieħu biżżejjed. L-għejja ma tħallikx tkun krejattiv f’xogħlok. Barra minhekk biex l-infermiera jibqgħu friski f’xogħolhom jinħtieġ li jkomplu jitgħallmu. L-Internet tal-mediċina dejjem għaddej bi żviluppi ġodda. Għalhekk aktar ma jitgħallmu aktar se jkunu ta’ servizz għal dawk li jservu.

Imma kollox jiddependi fuq ħaġa waħda: il-kuntatt mal-pazzjenti. Għeżież infermiera poġġu dan il-valur fl-ewwel post tal-missjoni tagħkom! U l-bqija kollox jidħol f’postu waħdu! Grazzi minn qalbi ta’ xogħolkom. U ibqgħu aħdmu bit-tbissima ħelwa fuq fommkom! Il-Mulej iberrikkom ħuti!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading