Alla hu rebbieħ bl-istil tiegħu: bl-umiltà


Il-Ġimgħa 5 ta’ Frar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-istil ta’ Alla mhux l-istil tal-bniedem, għax Alla jirbaħ bl-umiltà kif juri t-tmiem tal-akbar wieħed fost il-Profeti, Ġwanni l-Battista, li ħejja t-triq għal Kristu u mbagħad warrab. Hekk ikkummenta l-Papa Franġisku dwar il-Vanġelu tal-lum, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

 

L-akbar wieħed fost il-bnedmin, il-ġust, il-qaddis li kien ħejja l-bnedmin għall-miġja tal-Messija, jintemm b’rasu maqtugħa fid-dlam ta’ ċella, waħdu, ikkundannat mill-mibegħda vendikattiva ta’ reġina u minn re viljakk mingħajr sinsla.

Imma Alla hekk jirbaħ, ikkummenta l-Papa Franġisku, hu u jirrifletti fuq il-Vanġelu li jirrakkonta t-tmiem ta’ Ġwanni l-Battista.

Ġwanni huwa l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara – hekk tgħid il-formula tal-kanonizzazzjoni tal-Battista. Imma dil-formula ma qalhiex il-Papa, qalha Ġesù. Dak il-bniedem hu l-akbar wieħed li twieled minn mara, l-akbar qaddis: b’hekk Ġesù kkanonizzah.

U jintemm fil-ħabs, b’rasu maqtugħa.

L-aħħar sentenza donnha tidher ukoll waħda ta’ rassenjazzjoni: id-dixxipli ta’ Ġwanni, malli saru jafu bil-fatt, ħadu l-katavru u difnuh. Hekk jintemm l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara, profeta kbir, l-aħħar fost il-profeti, l-uniku li ngħatalu l-privileġġ li jara sseħħ it-tama ta’ Iżrael.

Franġisku ma baqax marbut biss mal-evidenza tal-Vanġeli. Hu pprova jidħol fiċ-ċella ta’ Ġwanni biex jeżamina l-qalb tal-leħen li għajjat fid-deżert u li għammed folol f’isem Dak li kellu jiġi. Issa hu marbut bil-ktajjen mhux biss tal-priġunerija tiegħu imma probabbilment, osserva l-Papa, imxekkel ukoll mill-inċertezza li kienet qed tikollu qalbu, minkejja kollox.

Imma fil-ħabs bata wkoll mit-tortura tad-dubju. ‘Forsi żbaljajt? Dan il-Messija mhux kif jien immaġinajt li kellu jkun.’ Għalhekk bagħat lid-dixxipli tiegħu jistaqsu lil Ġesù: ‘Imma għid il-verità, Int hu dak li għandu jiġi?’ Għax dak id-dubju żgur kien inikktu.

‘Tgħid jien żbaljajt meta ħabbart lil xi ħadd li mhux dak mistenni? Ingannajt lill-poplu?’ Is-sofferenza, is-solitudni ta’ dar-raġel… ‘Imma jien irrid niċċekken, niċċekken fir-ruħ, fil-ġisem…. kollni kemm jien…..’

Iċċekken, iċċekken, iċċekken, tenna Franġisku. Hekk kienet ħajjet Ġwanni. Kien bniedem kbir li ma fittixx il-glorja tiegħu imma dik ta’ Alla, u jintemm minsi. Imma b’dan l-atteġġjament tiegħu, temm il-Papa, ħejja t-triq għal Ġesù, li bl-istess mod miet fost dwejjaq kbar, waħdu, mingħajr id-dixxipli.

Jagħmlilna tajjeb illum naqraw dan il-pass tal-Vanġelu skont San Mark, kapitlu sitta. Naqraw din is-silta u naraw kif jirbaħ Alla: l-istil ta’ Alla mhux l-istil tal-bniedem.

Nitolbu lil Alla l-grazzja tal-umiltà li kellu Ġwanni u ma nagħmlux tagħna l-merti u l-glorja tal-oħrajn. U fuq kollox, nitolbu l-grazzja li f’ħajjitna jkun hemm dejjem post biex jikber Ġesù u aħna niċċekknu u ninżlu ‘l isfel sat-tmiem.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.