L-Arċisqof jiltaqa’ maċ-‘Chaplain Teams’ tal-Iskejjel tal-Knisja


Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Frar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ maċ-‘Chaplain Teams’ tal-iskejjel tal-Knisja, fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.

Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Is-Seminarju, tal-Virtù

Fl-Evanġelju li għadna kemm qrajna, naqraw dwar wieħed mill-mumenti l-iżjed qawwija fejn Ġesù, li mhux imdorri jomgħod il-kliem, jitkellem dwar l-apprezzament tat-tifel ċkejken u jitkellem ukoll dwar il-kruha tal-iskandlu. L-iskandlu huwa li inti, waqt it-triq tiegħek, ikun hemm min jagħtik gambetta, għaliex l-iskandlu tfisser li inti tagħti gambetta lil xi ħadd fit-triq. Il-kelma ta’ Ġesù mbagħad, li juża l-kelma ‘scandalon’, aħna minflok nittraduċuha ‘gambetta’, nittraduċuha ‘skandlu’, li ħadet ukoll tifsira morali.

Però l-iskandlu għandu wkoll faċċata oħra, li huwa l-eżempju tajjeb. Hemm affarijiet pożittivi li joħolqu skandlu u ammirazzjoni. Il-ħniena t’Alla, pereżempju, hija skandaluża għaliex tant hija kbira li tixxukkjana. Kultant, minflok tagħtina gambetta, tmiddna biex imbagħad nerġgħu nqumu għar-realtà ġdida.

Inħoss li fil-kuntatt tagħkom mat-tfal studenti u mal-ġenituri jrid ikollkom atteġġjament Nisrani li jiskandalizza b’mod tajjeb, li jħalli impatt qawwi, li jkun anke dik iż-żerriegħa li semmejtu, li mbagħad Alla jrid ikabbar u għandha l-loġika tagħha ta’ kif tikber.

Smajt l-esperjenzi tagħkom b’attenzjoni kbira, imma l-attenzjoni għal dak li għidtu mhux biss dover tiegħi imma privileġġ. Il-quddiem nittama li jkollna ċ-ċans f’laqgħat oħra bħal dawn, li nisimgħu iżjed lil xulxin għaliex illum mhux kulħadd tkellem, imma persważ li kulħadd għandu l-esperjenza tiegħu, esperjenza li m’għandhiex taqtagħla qalbna.

Irridu nirriflettu li s-servizz li qegħdin nagħtu llum fl-2016 huwa servizz lill-ulied il-poplu li għandu l-mertu li talab li uliedu jkunu fl-iskejjel tal-Knisja, imma mbagħad huma bħal kumplament tal-popolazzjoni. Hemm din l-imbierka lotterija li huwa l-uniku filter; imma t-tfal li intom qed taħdmu magħhom, u ż-żgħażagħ, ġejjin minn cross-section tal-popolazzjoni, imma hemm il-merti ta’ ġenituri li għal motivazzjoni jew oħra, ħin minnhom għamlu l-għażla li japplikaw.

Jiena tkellimt pubblikament fuq din il-purifikazzjoni tal-motivazzjoni tal-ġenituri: għaliex il-ġenituri qegħdin jagħżlu li jibagħtu t-tfal tagħhom fl-iskejjel tal-Knisja? Min jaf kemm hemm motivazzjonijiet. Imma jiena naħseb li hemm bżonn infakkruhom li l-għażla tagħhom hija impenn, u l-għażla tagħhom mhiex għażla kwalunkwè, hemm kwalità li ’l quddiem il-Mulej jinqeda biha wkoll għall-ġid ta’ wliedhom imma anke għall-ġid tal-familja tagħhom stess.

Tinsewx li l-pastorali tagħkom mhijiex biss edukazzjoni imma prinċipalment fejqan. Intom qed tiffaċilitaw il-laqgħa bejn it-tfal jew iż-żgħażagħ, u l-Mulej Ġesù. Kulma tagħmel mhux bilfors tara l-frott tiegħu. Ħafna drabi, jekk inti fl-aħħar ta’ seminar, ta’ live-in, ta’ Quddiesa li organnizzajt, ta’ esperjenza li għamilt u pprovdejt, ma tarax il-frott, nistidinkom ma taqtgħux qalbkom għax aħna rridu naċċettaw ir-regola tas-Saltna li tana l-Mulej; taż-żerriegħa, tal-ħmira u anke tad-dawl, li mhux qiegħed biex ikun moħbi, imma biex ikun propju fl-għoli ħa jdawwal lid-dar.

Agħmlu ħilitkom biex lill-istudenti turuhom kemm huwa cool li jkunu Nsara, għaliex ħafna drabi l-peer pressure forsi tikkonvinċihom illi li tkun Nisrani jew li jkollhom ċertu valuri huwa kontro- valur għalihom. Imma din il-ħaġa naf u nifhem li mhix faċli.

Xi ħadd semma l-ambjent ta’ bejnietkom u din ġagħlitni niftakar, u se naqsamha magħkom, il-fatt li qabelxejn l-evanġelizzazzjoni tiġi mix-xhieda. Għalhekk, l-aħħar stedina li nagħmlilkom illum, nittama li jkollna ċans li jkollna djalogu iżjed prolifiku ’l quddiem bil-għajnuna ta’ Fr Paul u tas-Segretarjat, li tidħlu intom f’relazzjoni profonda ma’ Ġesù. Se nibdew malajr dalwaqt mhux biss il-Karnival, imma imbagħad ir-Randan li jrid ikun ir-rebbiegħa tar-ruħ, ta’ dik ir-relazzjoni personali tiegħi ma’ Ġesù li mbagħad tesprimi ruħha b’mod sempliċi, mingħajr ħafna fanfarunati, f’dak kollu li nagħmel. U jkun Ġesù li qed jitkellem bil-kelma tiegħi, jitbissem bit-tbissima tiegħi, jibki bid-dmugħ tiegħi. Inewwel idu, jimxi l-pass, ifarraġ u jfejjaq permezz tagħkom.

Jiena nixtieq nirringrazzja lir-reliġjużi u lis-saċerdoti fostkom, imma nifhem u napprezza li din il-vokazzjoni hija wkoll vokazzjoni tal-lajkat u għalhekk hija vokazzjoni radikali, ta’ min hu mgħammed. Aħna s-saċerdoti mbagħad, minkejja d-dgħufija tagħna, magħżulin biex inressqu lill-poplu u anke nkunu ta’ għajnuna għalikom il-lajċi, biex tasal l-Ewkaristija u jasal il-fejqan tal-qrar għax dik hija xi ħaġa li l-Mulej ħalla f’idejna. Imma l-laqgħa tal-istudenti, tat-tfal anke tal-għalliema u tal-ġenituri, ma’ Ġesù, ma tirrikjedix biss iż-żelu tas-saċerdoti imma ta’ kull wieħed u waħda minnha.

F’isem Ġesù jiena ngħidilkom kuraġġ, f’isem Ġesù jiena ngħidilkom grazzi.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.