Il-Ġublew fil-Bibbja. Ġustizzja u qsim ma’ xulxin


7. Katekeżi dwar il-Ħniena mill-Papa Franġisku. 10 ta’ Frar 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u l-mixja tar-Randan it-tajba!

Hi ħaġa sabiħa u anki sinifikattiva li qed nagħmlu din l-udjenza propju f’dan l-Erbgħa tar-Rmied.  Qed nibdew il-mixja tar-Randan, u l-lum se nieqfu fuq l-istituzzjoni antika tal-“ġublew”; hi ħaġa antika, li nsibuha fl-Iskrittura Mqaddsa.  Insibuha b’mod partikulari fil-Ktieb tal-Levitiku, li jippreżentaha bħala mument qawwi fil-qofol tal-ħajja reliġjuża u soċjali tal-poplu ta’ Israel.

Kull ħamsin sena, “f’jum l-espjazzjoni” (Lev 25:9),  meta l-ħniena tal-Mulej kienet tiġi msejħa fuq il-poplu kollu, id-daqq tal-qarn kien iħabbar ġrajja kbira ta’ ħelsien.  Fil-fatt naqraw hekk fil-ktieb tal-Levitiku: “Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha.  Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa’ għal li kellu u għal ma’ niesu […].  F’din is-sena tal-ġublew kulħadd jerġa’ lura għal li kellu” (25:10,13).  Skond dawn id-dispożizzjonijiet, jekk xi ħadd kien ġie mġiegħel ibigħ l-art tiegħu jew id-dar tiegħu, fil-ġublew seta’ jerġa’ jakkwistaha; u jekk xi ħadd kellu d-djun u, billi ma kellux  mnejn iħallashom, spiċċa lsir ta’ dak li miegħu kien midjun, issa seta’ jerġa’ lura ħieles għand il-familja tiegħu u jikseb mill-ġdid il-propjetà kollha tiegħu.

Kienet speċi ta’ “amnestija ġenerali”, li biha kulħadd seta’ jerġa’ lura għall-qagħda oriġinarja, bit-tneħħija ta’ kull dejn, l-għoti mill-ġdid ta’ l-art, u l-possibbiltà li wieħed igawdi mill-ġdid il-libertà li hi tal-membri tal-poplu ta’ Alla.  Poplu “qaddis”, fejn preskrizzjonijiet bħal dik tal-ġublew kienu jservu biex wieħed jiġġieled il-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza, u jiżgura ħajja dinjituża għal kulħadd u tqassim ġust ta’ l-art li fuqha ngħixu u minnha niddependu għall-ikel tagħna.  L-idea ċentrali hi li l-art oriġinarjament hi ta’ Alla u ġiet fdata f’idejn il-bnedmin (ara Ġen 1:28-29), u għalhekk ħadd ma jista’ jgħid li hi tiegħu biss, ħaġa li toħloq sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza.  Dan il-lum nistgħu nerġgħu naħsbu fuqu; kull wieħed fil-qalb tiegħu għandu jaħseb jekk għandux wisq ħwejjeġ tiegħu.  Imma għaliex ma nwarrbux xi ħaġa għal dawk li m’għandhom xejn?  L-għaxra fil-mija, il-ħamsin fil-mija…  Jien ngħid: jalla l-Ispirtu s-Santu jnebbaħ lil kull wieħed u waħda minnkom.

Bil-ġublew, min kien ikun ftaqar, kien jerġa’ jikseb il-meħtieġ biex jgħix, u min kien stagħna ħafna kien jerġa’ jrodd lura lill-fqir dak li jkun ħadlu.  It-tir kien soċjetà msejsa fuq l-ugwaljanza u s-solidarjetà, fejn il-libertà, l-art u l-flus jerġgħu jsiru ġid għal kulħadd u mhux biss għall-ftit, kif qed jiġri l-lum, jekk m’iniex sejjer żball…  Ftit jew wisq, iċ-ċifri m’humiex preċiżi, imma t-tmenin fil-mija tal-ġid tal-bnedmin jinsab f’idejn inqas minn għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni.  Hu ġublew – u dan qed ngħidu billi nfakkar fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna – biex nikkonvertu, biex il-qalb tagħna titwessa’ iżjed, issir iżjed ġeneruża, insiru iżjed ulied Alla, b’iktar imħabba.  Ħa ngħidilkom ħaġa: jekk din ix-xewqa, jekk il-ġublew ma jmissx il-but tagħna, m’huwiex veru ġublew.  Fhimtuni?  U dan insibuh fil-Bibbja!  M’hux qed jivvintah dan il-Papa: jinsab fil-Bibbja.  L-għan – kif għidt – kien soċjetà msejsa fuq l-ugwaljanza u s-solidarjetà, fejn il-libertà, l-art u l-flus kienu jsiru ġid għal kulħadd u mhux għall-ftit.  Fil-fatt il-ġublew kellu l-funzjoni li jgħin lill-poplu jgħix fraternità konkreta, magħmula minn għajnuna reċiproka.  Nistgħu ngħidu li l-ġublew Bibliku kien “ġublew ta’ ħniena”, għax kienu jgħixuh ifittxu b’sinċerità l-ġid ta’ ħuthom fil-bżonn.

Fl-istess linja, anki istituzzjonijiet oħra u liġijiet oħra kienu jiggwidaw il-ħajja tal-poplu ta’ Alla, biex setgħet tinħass il-ħniena ta’ Alla permezz ta’ dik tal-bnedmin.  F’dawk in-normi nsibu indikazzjonijiet validi anki l-lum, li jġagħluna nirriflettu.  Ngħidu aħna, il-liġi Biblika kienet tgħid li l-“għexur” kellhom imorru għal-Leviti, inkarigati mill-kult, li ma kellhomx art, u għall-foqra, għall-iltiema, għar-romol (ara Dewt 14:22-29).  Mela kienu jippriedkaw li waħda minn kull għaxar partijiet tal-ħsad, jew tad-dħul minn xogħol ieħor, kellha tingħata lil dawk li ma kellhomx min jipproteġihom u kienu fil-bżonn, biex hekk ikun hemm l-ugwaljanza fost il-poplu fejn kulħadd kellu jġib ruħu ta’ aħwa.

Kien hemm ukoll il-liġi dwar “l-ewwel frott”.  X’kien dan?  L-ewwel parti tal-ħsad, l-aktar parti prezzjuża, kellha tinqasam mal-Leviti u l-barranin (ara Dewt 18:4-5; 26:1-11), li ma kellhomx għelieqi tagħhom, biex anki għalihom l-art tkun għajn ta’ nutriment u ta’ għajxien.  “L-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi”, jgħid il-Mulej (Lev 25:23).  Aħna kollha mistednin tal-Mulej, fl-istennija ta’ pajjiżna tas-Sema (ara Lhud 11:13-16; 1 Piet 2:11), imsejħin biex din id-dinja li laqgħetna nagħmluha iżjed post uman fejn wieħed iħossu milqugħ.  U kemm minn dan l-“ewwel frott” min hu xortih tajba jista’ jagħti lil min jinsab f’diffikultà!  Kemm frott!  Mhux biss minn dak ta’ l-għelieqi, imma minn ta’ kull prodott ieħor tax-xogħol, tal-pagi, tal-flus li wieħed ikun ħażen, ta’ tant ħwejjeġ li nippossedu u xi drabi naħlu.  Dan qed jiġri l-lum ukoll.  Fl-Elemożinerija Appostolika jaslu tant ittri b’xi ftit tal-flus magħhom: “Din parti mill-paga tiegħi biex ngħin lill-oħrajn”.  U din hi ħaġa sabiħa; ngħinu lill-oħrajn, l-għaqdiet ta’ karità, l-isptarijiet, id-djar ta’ l-anzjani…; nagħtu wkoll lill-barranin, dawk li ġew minn barra u waqfu fostna biss għal ftit.  Ġesù wkoll kien barrani fl-Eġittu.

U propju b’dan fil-ħsieb tagħha, l-Iskrittura Mqaddsa tsejħilna bil-qawwa biex inwieġbu b’ġenerożità għat-talba ta’ min jixtieqna nisilfuh xi flus, bla ma noqogħdu nagħmlu kalkoli kiefra u bla ma nippretendu interessi impossibbli: “Jekk jiftaqar ħuk u jiġi b’xejn, int għandek tgħinu, bħalma tgħin lill-barrani jew lill-frustier; u hu jgħix miegħek.  Teħodlux imgħax, u anqas żieda fuq is-self; imma ibża’ minn Alla tiegħek u jgħix ħuk miegħek.  Tisilfux flusek bl-imgħax, u anqas tagħtih l-ikel tiegħek bi ħlas żejjed” (Lev 25:35-37).  Dan it-tagħlim jibqa’ dejjem attwali.  Kemm familji spiċċaw jiġru fit-triq, vittmi ta’ l-użura!  Nitlobkom, ejjew nitolbu biex f’dan il-Ġublew il-Mulej ineħħi minn qlubna lkoll din ix-xewqa li nakkwistaw iżjed, l-użura.  Ħa nerġgħu lura lejn ħajja ta’ ġenerożità u tjieba.  Kemm sitwazzjonijiet ta’ użura qed naraw u kemm tbatija u wġigħ ta’ qalb iġibu dawn fil-familji!  U ħafna drabi, fid-disperazzjoni, kemm nies jispiċċaw jagħmlu suwiċidju għax ma jifilħux iktar u tilfu kull tama, ma sabu l-ebda driegħ miftuħ għalihom biex jgħinhom; sabu biss dik l-id li tiġi biex iġġagħalhom iħallsu l-interessi.  L-użura hi dnub gravi, hi dnub li jgħajjat quddiem Alla.  Imma l-Mulej wiegħed il-barka tiegħu fuq min jiftaħ idejh biex iqassam b’idu miftuħa (ara Dewt 15:10).  Hu jagħtik id-doppju, forsi mhux fi flus imma fi ħwejjeġ oħra, il-Mulej dejjem se jroddlok id-doppju.

Għeżież ħuti, il-messaġġ tal-Bibbja hu ċar ħafna: niftħu qalbna b’kuraġġ għall-qsim tal-ġid ma’ l-oħrajn, u din hi ħniena!  U jekk aħna rridu l-ħniena ta’ Alla, ħa nibdew nuruha aħna l-ewwel.  Din hi: nibdew nuruha aħna bejn iċ-ċittadini ta’ l-istess post, bejn il-familji, bejn il-popli, bejn il-kontinenti.  Li nagħtu sehemna biex ikollna dinja bla foqra jfisser nibnu soċjetajiet bla diskriminazzjoni, imsejsa fuq is-solidarjetà li twassalna biex naqsmu ma’ xulxin dak li għandna, fi tqassim ta’ riżorsi msejjes fuq l-imħabba bejn l-aħwa u l-ġustizzja.  Grazzi.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.