Il-Ħadd 14 ta’ Frar 2016. Ittra Pastorali għar-Randan 2016
KRISTU MEDIĊINA GĦALL-MARD TAGĦNA
Min minna ma jafx x’inhu l-mard? Kulħadd suġġett għall-mard, imma mhux kulħadd jiffaċċja l-mard bl-istess mod: issib min jaċċettah, imma hemm min jitgħawweġ u jitkisser taħt il-piż kiefer tiegħu; anzi, ħafna drabi, mal-marid ibatu tal-familja u ta’ madwaru.
Barra l-mard fiżiku hemm mard ieħor li kapaċi jherrina. Hemm mard li jmermer ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment dawk familjari, fil-komunità ekkleżjali u fid-diversi oqsma tas-soċjetà.
Hemm mard morali: għalkemm nafu x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin, ħafna drabi nsibu ruħna qegħdin nagħmlu dak li ma nixtiqux li nagħmlu.
Hemm mard ta’ natura spiritwali meta l-bniedem, minkejja li jagħmel ħiltu biex jgħix ħajja onesta, iħossu sajjem minn Alla.
Hemm il-ġerħat emozzjonali meta l-bniedem jintebaħ li qed jiġi skartat, tradut, umiljat, kalunjat, imqarraq u trattat inġustament.
Dan il-mard jimliena b’ħafna diqa, ningħalqu fina nfusna u ninqatgħu mill-oħrajn. Agħar minn hekk huwa meta ħaddieħor iwarrabna minħabba l-mard tagħna. Flok ma nsibu l-kenn, nintebħu li hemm min jistħi jgħid li jiġi minna li aħna morda. Il-komunità Nisranija mhix ħielsa mit-tentazzjoni li twarrab lil min “jimrad”.
Forsi hemm min jaħseb li tul it-tliet xhur li kien fostna, San Pawl qagħad jgħammed, iqaddes u forsi wkoll jagħmel xi festa! Imma skont dak li San Luqa jikteb fl-Atti tal-Appostli, Pawlu ħaġa waħda prinċipali għamel: bħala appostlu ta’ Ġesù Kristu maħtur għall-Evanġelju, huwa fejjaq lil missier Publiju. Wara dan il-fejqan, in-nies ħarġet bi ħġarha u ressqulu lill-morda tagħhom biex jeħlishom mill-mard (1).
Dan għandu jagħmlilna l-qalb, għax jekk naħbtu nitilfu kull tama minħabba l-piż tal-mard tagħna, illum nistgħu nersqu għand dak li f’ismu Pawlu fejjaq: għand Ġesù Kristu. Dak li għadda mit-toroq tal-Palestina jgħallem u jfejjaq (2), illum ukoll jgħaddi mit-toroq tagħna u lest li jfejjaqna minn kull xorta ta’ mard. Nistgħu ngħidu li m’hemm l-ebda marda li ma tistax titfejjaq minn Ġesù. Ħaġa waħda hi meħtieġa: li nqiegħdu l-qagħda vera tagħna quddiemu, konvinti li Hu għandu “kelma” li tfejjaq il-ġerħat. Għalhekk nixtiequ li matul dan il-Ġublew jidwu f’widnejna l-kliem tal-appostlu Ġakbu: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli jsejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, ħalli dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej: it-talba tal-fidi ssalva lill-marid” (3). Din hija l-missjoni tas-saċerdot: mhux li jikkundanna jew jiskomunika, imma li jpoġġi jdejh fuq il-marid u jitlob fuqu l-ħniena ta’ Alla li tfejjaq.
Għalhekk, bħala l-Isqfijiet tagħkom, nagħmlulkom appell biex jekk hawn xi ħadd fostna li hu marid, fil-familja tagħna jew fil-komunità tagħna, ngħinuh jersaq lejn il-preżenza ta’ Kristu, li kif isejjaħlu Santu Wistin huwa “tabib tal-kuxjenzi” (4). Fi kliem San Ġorġ Preca, “fl-isptar ta’ Kristu” li fih diversi swali bħalma hija dik tal-korla, tal-għira, tal-mibegħda, tax-xeħħa, tas-serq, tal-vendetta, “it-Tabib tas-Sema” jagħti l-kura li tkun taqbel għall-marda tar-ruħ biex il-bniedem jista’ jfiq u jkollu l-paċi (5).
Il-miġja ta’ Missierna San Pawl fostna tfakkarna wkoll fl-impenn li għandna biex inkomplu nieħdu ħsieb il-Knisja li hu waqqaf. Maż-żmien, il-viżjoni tagħna dwar kif għandha tkun din il-Knisja setgħet iċċajpret. Bl-azzjoni tiegħu, Pawlu jurina li l-Knisja hi magħmula mill-morda – dik li l-Papa Franġisku sejħilha “sptar fil-kamp tal-gwerra” li tilqa’ fiha lill-feruti (6), uħud minnhom midruba tant serjament li jkun impossibbli li jerġgħu jkunu “sħaħ” bħal qabel. Din hija l-Knisja miftuħa li nixtiequ naraw f’pajjiżna! Jekk nagħmlu mill-Knisja spażju riservat għan-nies spiritwalment b’saħħithom, inkunu qed niskuraġġixxu lil min hu ferut li jidħol u jpoġġi madwar l-artal. Santu Wistin iwiddibna biex noqogħdu attenti għax min jaħseb li huwa spiritwalment b’saħħtu huwa marid u ma jfieqx għax ma jħossx il-bżonn li jersaq għand Kristu, mentri dawk li jammettu li huma morda jfittxu l-kenn għand Ġesù li jfejjaqhom (7). Il-kittieba tal-Fariżej ta’ żmien Ġesù, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?” Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin” (8).
F’dan “l-isptar fil-kamp tal-gwerra”, fejn diversi qegħdin jilagħbuha mal-mewt, m’għandniex noqogħdu nistaqsu kemm il-marid għandu, per eżempju, z-zokkor għoli, għax dak li jeħtieġ il-marid f’dan il-mument huwa xi ħaġa aktar importanti: li ngħinuh jitbiegħed mill-mewt…imbagħad wara nkunu nistgħu ngħinuh jikkura aspetti oħra ta’ saħħtu. B’dan irridu nfissru li f’din il-Knisja-sptar, l-aktar ħaġa essenzjali hija li l-bniedem tal-lum jintebaħ li Alla jeżisti u li dan Alla tant iħobb lid-dinja li tana lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih isalva (9).
Ma nistgħux inwarrbu lil min hu marid għax Alla jaf iżurna f’persuna dgħajfa. Is-sitwazzjonijiet ta’ miżerja huma għal Alla okkażjoni ta’ ħniena. Għax “Alla għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa” (10). Għalhekk nagħmlu l-qalb lil dawk li jħossuhom dgħajfin, partikolarment dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli fil-ħajja taż-żwieġ u fil-ħajja tal-familja, biex isibu posthom fil-Knisja għax Alla jaf jinqeda bihom biex jgħallem lil min jaħseb li hu għaref fil-ħwejjeġ t’Alla.
Il-mediċina li ġejja minn Alla u li għandha qawwa li tfejjaqna mill-mard kollu tagħna tissejjaħ “miżerikordja” jew “rikonċiljazzjoni”. Għax kollox telaq minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu bla ma qagħad iżomm il-kont ta dnubietna (11). Anzi, kif naqraw fil-Profeta Iżaija, “Hu rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. … Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (12).
Mezz sempliċi li minnu taslilna din il-qawwa li tfejjaq huwa s-sagrament tal-qrar. Meta permezz ta’ dan is-sagrament, il-bniedem iduq il-benna tal-ħniena ta’ Kristu, hu jibda jintebaħ bil-kruha tad-dnub u jibda jħoss l-indiema u jikkonverti! Fid-dawl tal-esperjenza li għandna bħala ragħajja tagħkom, jidhrilna li hemm bżonn inqiegħdu b’konvinzjoni fiċ-ċentru tal-pastorali tagħna s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, biex jagħtina li mmissu b’idejna l-kobor tal-ħniena (13). Is-sagrament tal-qrar mhux maġija. F’ċerti sitwazzjonijiet dan is-sagrament huwa parti minn proċess ta’ fejqan li jieħu ż-żmien. Hemm feriti li jibqgħu jnixxu anke wara li nkunu rċevejna l-maħfra. L-assoluzzjoni hija doża mill-mediċina divina li tgħin fil-proċess ta’ fejqan. Barra minn hekk, hemm feriti li għalkemm ifiequ jħallu l-marka warajhom bħal fil-każ ta’ meta, għalkemm jindem, il-bniedem ma jkunx jista’ isewwi l-ħsara li jkun għamel. Il-fatt li l-midneb, minħabba ċerti ċirkustanzi ma jkunx jista’ jreġġa’ lura l-arloġġ, ma jfissirx li ma jistax jirċievi l-maħfra.
Il-ħniena ta’ Alla tant hija bla limitu li kapaċi tagħtina skandlu! Hemm min ma jifhimx kif Alla huwa dejjem lest biex iqassam din il-mediċina tal-ħniena. Imma jista’ jiġri li “aħna” tqal biex naħfru għaliex kif jgħallem Ġesù, inħossuha iżjed faċli naraw it-tibna li hemm f’għajn ħutna milli t-travu li hemm f’għajnejna (14). Huwa biss meta ngħoddu ruħna mal-midinbin li naslu biex ikollna l-umiltà u l-kuraġġ biex naħfru.
Nhar l-Erbgħa li għaddew tajna bidu għar-Randan bħala tħejjija għall-Għid il-Kbir. Is-sagrament tal-qrar huwa rigal li Ġesù tana dakinhar stess li qam mill-mewt. Fil-fatt, nhar l-Għid filgħaxija, Ġesù ġie f’nofs l-appostli u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura” (15). F’dan il-Ġublew tal-Ħniena nitolbu lil Alla bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-Morda, biex it-taħriġ qaddis ta’ matul dan ir-Randan inħalluh jidlek biż-żejt u jinfaxxa l-ġrieħi tagħna (16), biex ma’ Kristu Rxoxt inkunu “ħolqien ġdid” (17).
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
1 ara Atti 28:8-9
2 ara Atti 10:383 Ġak 5:14
4 De civitate Dei, 5,14
5 Dun Ġorġ Preca, L-Isptar ta’ Kristu, 1997, 4.
6 ara Papa Franġisku, intervista minn Antonio Spadaro SJ f’ La Civiltà Cattolica (19 Settembru 2013).
7 ara Sermo 80,4
8 Mk 2:16-17
9 Ġw 3:16
10 1Kor1:27-2811 ara 2Kor 5:18-19
12 Is 53:4-5
13 ara Papa Franġisku, Misericordiae Vultus, 17.
14 ara Lq 6:41
15 Ġw 20:19-23
16 ara Lq 10:34
17 2Kor 5:17