L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja 2016


Il-Ħadd 14 ta’ Frar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

It-tliet tentazzjonijiet li jirrakkontalna Luqa fl-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 4, 1-13); li huwa l-Vanġelu tal-Ewwel Ħadd tar-Randan, huma tliet tentazzjonijiet partikolarment adatti għal Ġesù; huma lixka biex ix-xitan jaqbdu taħt il-ħakma tiegħu.

L-ewwel tentazzjoni qawwija ħafna hija dik li jagħti risposta għall-ġuħ tiegħu: mhux bħala bniedem, imma bħala Iben Alla. Fir-risposta tiegħu lix-xitan, Ġesù jgħidlu: il-qawwa tiegħi mhux għalija, “il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (ara Dt 8, 3-6). ‘Il quddiem naraw kif il-Mulej juża’ din il-qawwa biex jitma’ lil ħaddieħor imma ma jużahiex biex itaffi l-ġuħ tiegħu. Kemm jgħallimna dan l-atteġġjament ta’ Ġesù li hu jgħix f’ubbidjenza lejn il-Missier, u fejn il-qawwa tiegħu mhux biex taqdi lilu imma hi riservata bħala qadi għall-oħrajn.

It-tieni tentazzjoni hija li jkun leader mondjali li jisseduċi lil kulħadd bil-qawwa ta’ din id-dinja. Fir-risposta tiegħu, Ġesù jerġa’ jikkwota l-Iskrittura u jgħid: Il-veru primat u sovranità vera hija dik ta’ Alla, mhux ta’ din id-dinja. “Lill-Mulej Alla tiegħek tadura, lilu biss taqdi” (ara Dt 6, 13-14). Hija xi ħaġa ta’ tkexkix tifhem li Satana jħoss li l-qawwa u l-frugħa ta’ din id-dinja huma f’idejh, biex iqassamhom lil min irid. U Ġesù minn dan m’għandu bżonn xejn u ma jrid xejn.

It-tielet tentazzjoni hija li Ġesù jagħżel triq spettakolari fil-missjoni tiegħu. Għalhekk it-tentazzjoni hija li minn fuq it-tempju ta’ Ġerusalemm jaqa’ u ma jiġrilu xejn. Satana stess jikkwota l-Iskrittura biex jikkonvinċih u Ġesù jaf li t-triq tiegħu hija ta’ ubbidjenza lill-Missier mhux li jkun leader spettakolari. U Ġesù jerġa’ jikkwota l-Iskrittura: “Jingħad ‘la ġġarabx lill-Mulej Alla tiegħek” (ara Dt 6, 16).

It-talba li għallimna l-Mulej hija talba ta’ umiltà kbira, talba li tirrikonoxxi l-primat ta’ Alla fuq il-ħajja tagħna u fuq il-ħolqien, imma hija talba tal-ulied: “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int” (Mt 6, 9-10). Hija talba ta’ sottomissjoni filjali, mhux servili; hija talba tal-ulied lil missierhom.

F’dan il-jum li fih qegħdin niċċelebraw Jum il-Ħajja, nixtieq nirrifletti ftit magħkom fuq silta’ qasira mill-Ewwel Qari li smajna mill-ktieb tad-Dewteronomju: “Ħariġna l-Mulej mill-Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biża’ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet. U daħħalna f’dan il-post, tana din l-art, art tnixxi ħalib u għasel” (Dt 26, 8-9). Din hija silta’ minn talba kommemorattiva li Mosè, il-leader tal-poplu Lhudi, jikkmanda li tingħad b’tifkira tal-ħelsien. U tikkonkludi hekk: “U issa jiena ġibt l-ewwel frott tal-art li tajtni int, Mulej” (Dt 6, 10).

Mela l-offerta tal-poplu hija don lil Alla mill-ġid li tana hu. Din hija xi ħaġa li aħna l-Insara nikkommemoraw f’kull Ewkaristija meta fl-offertorju aħna noffru l-ħobż, “frott tal-art u xogħol il-bniedem”. Imma noffruh lill-Mulej. Hekk ukoll l-inbid. Aħna rċevejna dawn id-doni mingħand il-Mulej u nerġgħu nagħtuhomlu, u hu jittrasformahom.

Jiena nixtieq naqsam magħkom żewġ ħsibijiet importanti fuq il-bidu u t-tmiem tal-ħajja u noffrihom b’umiltà kbira. Kemm hi ħaġa sabiħa li llum, f’Jum il-Ħajja, nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan id-don tal-ħajja, li hija rigal li nirċievu mingħandu. Aħna nikkoperaw mal-Mulej fil-bidu ta’ ħajja ġdida, imma kull ħajja, tiġi kif tiġi, tiġi minn liema ċirkostanzi tiġi, anke jekk ikunu ċirkostanzi trawmatiċi jew vjolenti, hija rigal tal-Mulej. Mhux qiegħed niġġustifika ċ-ċirkustanzi traġiċi li bihom tista’ tiġi ħajja fid-dinja, bl-ebda mod! Imma dik il-bikja ta’ dik it-tarbija hija rigal u barka.

Jiena drajt li meta nisma’ tarbija tibki waqt l-omelija, lanqas biss ma tiġini f’moħħi li ngerger, imma ngħid: ‘grazzi, Mulej hawn tarbija li qed tgħidilna ‘l-ewwelnett iddumx tipprietka’, u t-tieni ‘ddejjaqnix’. Darba, l-Isqof Fulton Sheen ġralu hekk, u jiena tgħallimtha l-lezzjoni jiena u naqra l-bijografija tiegħu. Kien hemm waħda kellha tarbija qiegħda tibki u bdiet tinkwieta u qamet u ħarġet. U qalilha: ‘Mhux qed iddejjaqni’. Qaltlu: ‘le, int qed iddejjaqni, sinjur’. Tgħallimha malajr il-lezzjoni, l-Isqof Fulton Sheen, li hemm kawża għall-beatifikazzjoni tiegħu. Din il-barka li aħna nisimgħu, il-bikja ta’ tarbija li ġiet fid-dinja u li aħna nilqgħu bħala don kbir ta’ Alla u att ta’ tama fl-umanità.

Illum nixtieq ukoll nitlob li aħna nibqgħu ngħożżu l-ħajja anke meta ssir piż tqil għalina fl-età avvanzata, jew fl-esperjenza kiefra tal-mard terminali. Jiena nifhem, nifhem, it-tentazzjoni kbira li għandna li ngħidu li d-dinjità tal-bniedem titlob li aħna nieqfu minn eżistenza ta’ skomfort, ta’ tbatija, u ta’ nuqqas ta’ possibiltajiet. Hija tentazzjoni qawwija u kbira u m’għandna l-ebda dritt nikkundannaw lil min tant hu mgħobbi, jew bil-biża’ tal-prospett ta’ ħajja iebsa ħafna u mgħobbija ħafna għalih u għal ta’ madwaru, u qed jgħid, ‘isma’ kif se nagħmel jien biex inkun nista’ naħrab minn din is-sitwazzjoni ta’ tbatija kbira?’ Imma aħna, b’dan kollu ma nistgħux nieqfu nirriflettu. Jekk aħna naħsbu li aħna sidien ta’ ħajjitna allura tlifna l-vera boxxla għax inkella nsiru sidien ukoll tal-ħajja ta’ ħaddieħor. Impressjonatni ħafna l-frażi tal-Kardinal Nicholls – allavolja daħlet il-liġi tal-assisted suicide fir-Renju Unit – li jgħid: ‘a person’s right to die is another person’s duty to kill’. Il-kmandament ‘la toqtolx’ qiegħed hemm biex aħna jkollna l-protezzjoni f’kull ċirkostanza, anke meta aħna l-iżjed vulnerabbli.

Mela waqt li aħna naħdmu biex ikun hawn il-kura għall-mard li jaf jagħtina prospetti ta’ tbatija kiefra, u nitolbu għal dawk kollha li huma impenjati f’din ir-riċerka, irridu wkoll nimpenjaw ruħna biex inkunu ta’ sapport għal xulxin, għax l-ikbar kundanna hija s-solitudni fit-tbatija. U nkomplu ninsistu li l-ħajja għandha valur anke meta ma jidhirx li fiha valur. Dan mingħajr ma nikkundannaw lil ħadd, mingħajr ma naqtgħu qalb ħadd, u nitolbu d-dawl anke fuq min imexxina biex din il-vuċi ta’ libertà li tgħid: ‘jiena s-sid tal-ħajja, agħżel il-ħajja mhux il-mewt’, tidħol fil-fond tal-qalb u r-ruħ tagħna u jkun Hu d-dawl li jmexxina fid-deċiżjonijiet tagħna.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.