Quddiesa fl-okkażjoni tal-20 sena mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman


Nhar l-Erbgħa 17 ta’ Frar 2016: L-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Belt Valletta. Din il-quddiesa ġiet organizzata fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta. Minbarra l-Ombudsman u l-impjegati tal-Uffiċċju tiegħu, attendew ukoll id-Deputat Speaker, l-Onor. Ċensu Galea, l-iSkrivan tal-Kamra, is-Sur Raymond Scicluna u ex-impjegati li ħadmu f’din l-istituzzjoni sa mit-twaqqif tagħha.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Uffiċċju tal-Ombudsman, Il-Belt Valletta

Is-sinjal li jagħti Ġesù fl-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 11, 29-32) huwa sinjal paradossali. Jgħid li ma jingħata ebda sinjal lil din il-ġenerazzjoni ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Il-komunità Nisranija kienet mill-bidunett tipprova tifhem eżattament dan il-kliem tal-Mulej xi jfisser. Ħin minnhom, Ġesù jgħid illi bħalma’ Ġona għadda tliet ijiem f’żaqq il-ħuta, imbagħad imbeżaq minn żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-Bniedem jagħmel tliet ijiem fil-ġuf tal-art imbagħad jirxoxta.

Jekk intom iżżuru s-siti ta’ arkeoloġija tal-ewwel żminijiet tal-era Kristjana, dawk li ġustament insejħulhom is-siti ta’ arkeoloġija paljo-kristjana – tal-bidu, insibu li fejn hemm il-memorja tal-mewt u l-qawmien, hemm ukoll l-istorja ta’ Ġona, li ħiereġ minn ħalq il-ħuta bħala sinjal tal-irxoxt tal-Mulej. Dan huwa sinjal li jingħata ukoll lill-ġenerazzjoni tagħna.

L-ewwelnett, il-Mulej iqabbel lilu nnifsu ma’ Ġona u ma’ Salamun. Ġona huwa l-profeta li jisħaq li hemm bżonn inbiddlu l-mentalità tagħna – li nikkonvertu. Fit-testi tal-Iskrittura, b’mod speċjali dawk tradotti għall-Grieg, għax kif tafu anke t-Testment l-Antik li kien miktub bl-Ebrajk, kien tradott għall-Grieg t’Alessandria u għalhekk ħarġet it-traduzzjoni tas-sebgħin – tas-settanta – is-sebtuaginta, hemm il-kunċett tal-metanoia – li int tmur lil’hinn mill-mentalità attwali tiegħek. Salamun huwa dak li hu msejjaħ biex ikun Re u jkollu l-awtorità ċivili imma għandu l-umilità neċċessarja li meta l-Mulej jitolbu x’għandu bżonn, jitlob l-għerf u l-għaqal biex imexxi l-poplu tiegħu bil-ġustizzja. Il-Mulej jgħidlu, ‘talli inti tlabt l-għaqal mela jien ukoll se nagħtik il-ġid kollu li għandek bżonn’.

Jien inħoss li dawn il-personaġġi li jikkwota Ġesù għandhom ukoll x’jgħallmuna għall-missjoni tal-Ombudsman Parlamentari li intom tirrapreżentaw u tgħinu. Għaliex? L-ewwelnett, għax intom imsejħin biex tkunu vuċi profetika fil-pajjiż u titlobu li jkunu hemm bidla fil-mentalità ta’ kif il-poplu jħares lejn l-awtorità ċivili. Biex ngħidha f’termini storiċi, sfortunatament kultant ninnota li l-poplu tagħna għadu jimxi fuq il-mudell kolonjali ta’ kif iħares lejn il-Gvern. M’għandniex ir-Reġina, għandna l-President tar-Repubblika imma bħalma konnha ngħidu qabel – ‘u dan mhux ir-Reġina qed tħallas’ jew ‘dawk mhux minn tar-Reġina’ – mela hemm kejk u nieħu biċċa minnu għax ir-Reġina għandha ħafna. Ma nirrealizzawx li b’mod partikolari mill-Indipendenza ‘l quddiem, il-mudell irid jinbidel għaliex iċ-ċittadin stess, bil-kriterju demokratiku, huwa sid daru. Dak huwa l-akkwist fundamentali tal-Indipendenza, u allura meta jien qed nagħmel ħsara lill-propjetà ċivili, meta jien qed inħares lejn il-Gvern bħala benefattur li nirċievi mingħandu għaliex nogħġbu, allura għadni ma fhimtx li l-Gvern qed jirrapreżenta lill-poplu Malti u allura dak mhux biss huwa mezz ta’ kif jien inkun benefiċarju, imma ukoll għandi r-responsabilità. Jekk jiena nagħmel ħsara lill-propjetà pubblika, qed nagħmel ħsara lili nnifsi jew il-ġenerazzjoni futuri li mhux se jgawdu dak li gawdejt jien sakemm kissirtu.

Mela l-ewwel rwol importanti tal-Ombudsman, hu u jipproteġi liċ-ċittadin mill-eżerċizzju arbitrarju tal-awtorità, huwa li jitlob u jaħdem biex ikun hemm kambjament tal-mentalità. Dan sabiex il-mentalità tagħna, tal-pajjiż tagħna, tkun verament demokratika, li l-Gvern mhux il-benefattur li jien biex nieħu xi ħaġa mingħandu irrid ninżel għarkuptejja quddiemu. U min jiggverna mhux qiegħed hemm għax rebaħ il-lotterija u sakemm tiġi elezzjoni oħra għandu blank cheque li jagħmel li jrid bir-riżorsi tal-poplu. Għax dik ukoll hija mentalità fewdali li hija anti-demokratika. Allura l-Ombudsman, li f’mentalità kolonjali ma jaħdimx, irid jippromwovi ukoll mentalità verament demokratika fejn il-poplu jħossu tassew sovran, mhux fl-elezzjoni biss, imma anke waqt li qed jiġi iggvernat mir-rappreżentanti eletti demokratikament. Hu allura dak huwa r-rwol ta’ Ġona.

Interessanti ħafna li Ġona kien ftit iffurtunat mill-Ombudsman, għax għal kelma tiegħu r-Re ta’ Ninwè beda jsum. Imma l-Profeta ħoloq moviment bil-messaġġ urġenti tiegħu u kien iffurtunat li min kien fuq il-poter semgħu. Mhux dejjem ikollok l-istess fortuna, għaliex m’hemmx trux akbar minn min ma jridx jisma’. Għalhekk, l-Ombudsman jiffjorixxi f’kuntest fejn verament ikun hemm volonta’ demokratika u l-umiltà neċċessarja biex id-diskrezzjoni tal-awtorità tiġi sottomessa għal skrutinju indipendenti u verament awtonoma. Id-diżgrazzja kbira tkun jekk l-Ombudsman, minħabba xi difett fl-għażla tiegħu, isir serv tal-poter għax imbagħad ikollna sempliċiment titlu vojt. B’din l-Ewkaristija jiena nitlob li dan l-Uffiċċju li beda 20 sena ilu jkollu futur ta’ verità, u qatt ma jkun faċċata li tkun sempliċiment ‘rubber stamp’ tal-poter, għax hemmhekk ikun hemm diżastru għall-ispirtu awtentikament demokratiku tal-pajjiż u jbati l-ġid komuni.

It-tieni persunaġġ li jsemmi Ġesù huwa Salamun. Ġesù jirrakomandah għall-għerf tiegħu fil-mument feliċi tas-saltna tiegħu. Interessanti li hu kien imfittex veru, ir-Reġina ta’ Saba ġiet mill-Etjopja biex tisma’ lil Salamun. Dak li jaffaxxinana minn dan il-biedem għaref hu li talab għall-għaqal. Għall-għaqal li jkun jista’ jimxi b’mod fair (ekwu) u allura għandna l-istorja ta’ dawk iż-żewġ nisa li kienu qed jiġġieldu għal wild tagħhom, imbagħad jagħmel dik id-deċiżjoni li jgħid din tinqata minn nofs u allura nduna mill-ewwel min kienet l-omm, għax l-omm vera tat-tarbija ma riditx li tinqatel it-tarbija. L-istint matern kien ikkonfermat fil-mara li lit-tarbija ppreferita tgħix. L-Ombudsman għandu atteġjament fejn kull ċittadin quddiem l-awtorità għandu d-dinjità tiegħu, u għandu wkoll id-dritt li jekk ikun milqut b’mod ħażin b’deċiżjoni arbitrarja jew diskriminatorja jkollu xi ħadd li jisimgħu, għax għandu l-qawwa li jinvestiga, u li jissuġerixxi rimedju.

Inħoss li fuq dawn it-tlett mumenti tas-servizz tal-Ombudsman irid ikun hemm atteġjament ta’ kooperazzjoni mill-ambjenti kollha tal-Istat. Li ċ-ċittadin ikun stmat bid-dinjità tiegħu, li jkollu l-possibilita li jwassal ilment, li l-Ombudsman ikollu l-possibilità vera li jinvestiga u allura d-dover tal-Istat li ma jxekkilx dan ir-rwol essenzjali ta’ investigazzjoni. Għax min ixekkel dan ir-rwol huwa għadu tal-ġid komuni. It-tielet, meta l-Ombudsman b’mod awtonomu jsib li l-liġi jew ma ġietx rispettata jew id-diskrezzjonalità tal-awtorità ma ġietx imħaddma sew, għandu jkollu l-possibilità li jissuġerixxi rimedji li ma jibqgħux biss karta jew suġġerimenti maqfula fil-kexxun. Aħna nitolbu llum biex dan is-servizz li jrid ikun tarka taċ-ċittadin u kuxjenza tal-awtorità, jew inkella tad-diskrezzjonalità fil-gvern, tkun istituzzjoni importanti li taħdem tassew.

Jiena naf li kollox irid jiġi għat-tmiem tiegħu, anke r-rwoli, u għalhekk nirringrazzja ħafna lil kull min ħadem, b’mod speċjali lilek Onorevoli Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino, lill-kollegi tiegħek, kull min jaħdem f’dan l-ambjent, u nitlob ħafna biex dak li akkwista l-pajjiż tagħna fl-Indipendenza, imbagħad għoxrin sena ilu b’dan ir-rwol importanti, jkun tassew kontribut vera għall-ġid komuni.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.