Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Alla hu konkret: le għal reliġjon tat-tpaċpiċ

Alla hu konkret: le għal reliġjon tat-tpaċpiċ


It-Tlieta 23 ta’ Frar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Ir-reliġjon Nisranija hi reliġjon konkreta li għemilha hu t-tajjeb; mhix reliġjon tat-tlablib magħmula mill-ipokrisija u l-vanità. Hekk afferma l-Papa Franġisku hu u jikkummenta l-qari tal-liturġija tal-lum.

 

Il-ħajja Nisranija hija konkreta, Alla hu konkret. Imma hawn ħafna Nsara finta, li huma parti mill-Knisja imma huma biss tiżjin, mingħajr impenn, minflok li jagħmlu esperjenza ta’ servizz lejn l-aktar foqra.

Il-Papa rabat flimkien il-qari mill-Profeta Iżaija u l-Vanġelu biex jenfasizza kliem Ġesù li jikxef l-ipokrisija tal-Iskribi u l-Fariżej meta stieden lill-folla biex tagħmel dak li kienu jgħidulhom il-mexxejja tagħhom imma mbagħad ma jgħixux bħalhom.

Il-Mulej, qal il-Papa, jgħallimna kif naġixxu. Imma kemm-il darba fil-Knisja niltaqgħu ma’ nies li jistqarru li huma Kattoliċi, kemm ġenituri jistqarru li huma Kattoliċi imma qatt m’għandhom ħin jitkellmu ma’ wliedhom? Forsi hemm min għandu l-ġenituri tiegħu f’xi dar tal-anzjani, imma tant hu mħabbat li jinsiehom hemmhekk…. U dawn jgħidu li huma Kattoliċi!

Issib ukoll min hu membru f’xi għaqda… imma mbagħad jgħix kif jaqbillu. Dik hi reliġjon tal-paroli, qal Franġisku.

Il-kliem mingħajr azzjoni hu ingann, żied jgħid. Il-kliem ta’ Iżaija juri xi jrid Alla: ‘Ieqfu tagħmlu l-ħażen, tgħallmu tagħmlu t-tajjeb. Għinu lill-imjassar, agħmlu ġustizzja mal-orfni, iddefendu l-kawża tal-armla.’

Dal-kliem juri wkoll il-ħniena bla tarf ta’ Alla li lill-umanità jgħidilha: ‘Ejja ħa niddiskutu. Anke jekk dnubietkom huma ħomor daqs l-iskarlat, isiru bojod bħas-silġ.’

Il-ħniena t’Alla tmur tiltaqa’ ma’ min għandu l-kuraġġ li jiddiskuti miegħu. Imma niddiskuti dwar il-verità, fuq dak li nagħmel u dak li nonqos minnu, biex nikkoreġi ruħi.

Din hi l-imħabba kbira tal-Mulej, din id-djalettika bejn il-kliem u l-azzjoni. In-Nisrani għandu jaġixxi: jagħmel ir-rieda t’Alla. U fl-aħħar jum, għax ilkoll għad jasal għalina, kompla l-Papa, x’se jistaqsina l-Mulej? Jistaqsina: ‘X’għidtu dwari?’ Le! Jistaqsina: ‘X’għamiltu?’

F’dal-punt il-Papa kkwota l-kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mattew dwar il-ġudizzju tal-aħħar, meta Alla jitlob kont lill-bniedem ta’ dak li għamel mal-imġewħin, ma’ min kien bil-għatx, mal-ħabsin, mal-barrani.

Din hi l-ħajja Nisranija, kompla l-Qdusija Tiegħu, għax il-paroli waħedhom iressquna lejn il-vanità, biex inkunu tabirruħna Nsara. Ma nistgħux inkunu Nsara hekk.

Jalla l-Mulej, temm l-omelija Franġisku, itina l-għaqal biex nifhmu sewwa d-differenza bejn il-kliem u l-azzjoni, jgħallimna t-triq tal-azzjoni u jgħinna nibqgħu mexjin fiha, għax it-triq tal-kliem biss twassalna fejn kienu dawn l-imgħallmin tal-liġi li kienu jħobbu jiddandnu qieshom kienu xi ħaġa importanti. U din mhix ir-realtà tal-Vanġelu! Jalla l-Mulej jgħallimna din it-triq.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: