Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia
L-ERBGĦA TAT-TIENI ĠIMGĦA
Mt 20, 17-28 – Ġer 18,18-20
“Ħares, Mulej, lill-familja tiegħek u żomm sħiħ fiha t-tagħlim li hija tikseb bl-għemejjel tajba tagħha: ibqa’ farraġha bl-għajnuna tiegħek sa ma twassalha fl-hena tas-sema.”
Mill-ġdid il-Knisja llum tagħmel supplika li tixraq għal daż-żmien tar-Randan. Titlob l-ewwelnett il-ħarsien ta’ Alla biex tibqa’ fit-tagħlim li tikseb mill-għemejjel tajba, u titlob ukoll il-faraġ ta’ Alla billi jkompli jsawwab fuqha l-grazzji tas-sema.
It-talba għall-ħarsien tfakkarna fil-prekarjetà fil-pellegrinaġġ tagħna f’did-dinja. Nagħmlu ħafna għemejjel tajba, u anki nitgħallmu minnhom, imma jekk ma nipperseverawx nistgħu nitilfu kollox. Għalhekk hi importanti t-talba għall-grazzja tal-perseveranza.
It-talba għall-faraġ tfakkarna fis-saħħa li jagħtina Alla bl-għajnuna tal-grazzja attwali, jiġifieri ta’ dawk il-grazzji li bihom iqawwina fil-mument tal-bżonn, skond il-bżonn tal-mument. Din ukoll hi grazzja li rridu nitolbuha għax, flimkien mal-grazzja tal-perseveranza, tiggarantilna “l-hena tas-sema”, jiġifieri l-ġenna.