Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Hi grazzja li naraw lill-foqra jħabbtu fuq qlubna

Hi grazzja li naraw lill-foqra jħabbtu fuq qlubna


Il-Ħamis 25 ta’ Frar, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Biex aħna ngħixu l-fidi tagħna bis-serjetà rridu nagħrfu lill-foqra li jinsabu qrib tagħna. Ġesù nnifsu jħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Fil-Vanġelu tal-ġurnata Ġesù jirrakkonta l-parabbola tar-raġel għani, b’ilbiesu sabiħ u jiekol fin, li ma kienx jagħraf lil Lazzru, il-fqir mimli ġrieħi li kien ikun wara biebu.

Il-Papa talabna nagħmlu din il-mistoqsija: Jien Nisrani tal-isem biss, nimxi bil-gideb, jew jien Nisrani li nimxi fit-triq tal-ħajja, jiġifieri tal-ħidma u l-azzjoni?

L-għani kien bniedem li jaf ir-regoli u jħares il-liġi; kien bniedem ta’ ċertu reliġjożità, qal Franġisku. Imma kien bniedem magħluq fid-dinja ċkejkna tiegħu – id-dinja tal-ikliet, ilbies, vanità, ħbieb, jgħix f’bużżieqa ta’ vanità. Ma kellux ħila jara lill-oħrajn, ma kienx jara lil hinn mill-għeluq ta’ madwaru.

Ma kienx jaħseb fil-ħtiġijiet ta’ tant nies, jew fil-ħtieġa li jżur il-morda. Kien jaħseb biss dwaru nnifsu, dwar ġidu, il-ħajja li kien jgħix. Kien jgħaddiha tajjeb.

Allura dan l-għani kellu biss id-dehra ta’ bniedem reliġjuż imma ma kienx jara l-periferiji. Kien magħluq għal kollox fih innifsu.

Kellu l-periferiji fuq għatbu u ma kienx jarahom. Kien għażel it-triq tal-falsità għax kellu fiduċja biss fih innifsu, ma kienx jafda f’Alla. Kien bniedem li ma kellux ħila jirċievi l-wirt li tħallielu. Ma kienx jaf jgħix, għax moħħu kien biss f’dak li hu tiegħu.

Kurjuża, kompla l-Papa, li dal-bniedem tilef ismu. L-istorja tgħid biss li kien raġel għani, u meta ismek ikun biss aġġettiv, ifisser li tlift xi ħaġa, tlift is-sustanza, tlift is-saħħa. Dan il-ġid, din is-setgħa ma jiksbu xejn: dan hu qassis tal-karriera, isqof tal-karriera.

Ifisser li n-nies nirreferu għalihom b’aġġettiv, mhux b’isem, għax huma bla sustanza. Imma nsaqsi lili nnifsi: Imma Alla, li hu Missier, ma ġitux ħniena minn dar-raġel? Ma ħabbatx fuq qalbu biex iċaqilqu?

U żgur li kien fejn biebu, fil-persuna ta’ Lazzru, li kellu isem. U Lazzru, bil-ħtiġijiet u n-niket li kellu, bil-mard tiegħu, kien hemm. Kien Alla nnifsu li kien qiegħed iħabbat fuq il-bieb biex dak l-għani jiftaħ qalbu ħalli tidħol fiha l-ħniena. Imma le, ma kienx jara. Kien sempliċement bniedem magħluq; għalih il-bieb ta’ barra ma kien ifisser xejn.

Ninsabu fir-Randan, kompla jgħid il-Papa, u jagħmlilna tajjeb insaqsu lilna nfusna: liema hi t-triq li jien miexi fiha?

Ninsab miexi fit-triq tal-ħajja, jew fit-triq tal-gideb? Fejn jinsab il-ferħ tiegħi: f’dak li nagħmel jew f’dak li ngħid? F’illi noħroġ niltaqa’ mal-oħrajn biex ngħinhom? L-opri tal-ħniena, eh…., insista l-Papa. Jew il-ferħ tiegħi hu li jkolli kollox organizzat tajjeb u jien magħluq fija nnifsi?

Ejjew nitolbu lill-Mulej, temm Franġisku, filwaqt li naħsbu dwar dan kollu matul ħajjitna kollha, biex itina l-grazzja li dejjem naraw lil Lazzru ma’ ġenb biebna, Lazzru li jħabbat fuq qlubna. U nitolbu l-grazzja li noħorġu minna nfusna bil-ġenerożità, b’attitudni ta’ ħniena, biex il-ħniena t’Alla tkun tista’ tidħol fi qlubna.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: