L-Arċisqof Charles J. Scicluna jmexxi Pellegrinaġġ Penitenzjali f’Tas-Sliema


Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Frar 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Pellegrinaġġ mill-Knisja ta’ Stella Maris, sal-Knisja tan-Nazzarenu u ċċelebra Quddiesa, f’Tas-Sliema.


Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu, Tas-Sliema

L-Evanġelju ta’ San Mark jispjegalna għaliex il-kwadru ta’ Ġesù Nazzarenu huwa kif inhu, bl-ilbies aħmar u l-kuruna tax-xewk (Mk 15, 17). Tolqotni dejjem f’dan il-kwadru għażiż li huwa kopja ta’ dak li huwa meqjum f’Ruma wkoll, il-ħarsa serena ta’ Ġesù. Huwa l-mument ta’ umiljazzjoni kbira. San Mark jgħidilna: “għaddewh biż-żufjett, żebilħuh” (ara Mk 15, 20). Imma l-Mulej jaċċetta dan kollu b’ubbidjenza lejn Missieru: “mhux li rrid jien imma li trid inti” (Mk 14, 36).

Id-demm iġelben mill-kuruna tax-xewk huwa demm imxerred għalina. Fil-mentalità Ebrajka, int tieħu responsabbiltà ta’ dan l-għemil billi tgħid “demmu fuqna u fuq uliedna” (Mt 27, 25) u dik hija l-għajta li aħna nisimgħu fil-passjoni skond San Ġwann nhar il-Ġimgħa l-Kbira ta’ kull sena. Il-poplu li jipperswadi lil Pilatu li għandu joqtol lil Ġesù billi jgħid; “demmu fuqna u fuq uliedna”. Kienet riflessjoni ta’ responsabbiltà. U għalħekk ir-responsabbiltà għall-qtil tal-innoċenti kienet tfisser ukoll saħta: “demmu fuqna u fuq uliedna”.

Imma d-demm ta’ Ġesù mhuwiex demm ta’ saħta imma demm ta’ salvazzjoni. Għalhekk l-Ewwel Qari li smajna ifakkarna fil-ġest ta’ Mosè li biex iniedi l-Patt bejn Alla u l-poplu tiegħu, ixerred fuq il-poplu, id-demm tal-offerta tas-sagrifiċċju. Dan id-demm imxerred fuqkom huwa d-demm tal-patt li qegħdin nagħmlu llum. Ġesù stess, hu u jistitwixxi l-Ewkaristija jgħid: “Dan huwa d-demm tal-Patt il-Ġdid li jixxerred għalikom u għall-bnedmin kollha” (Lq 22, 20).

Ejjew għalhekk naduraw illum id-Demm Imqaddes ta’ Ġesù imxerred għalina u nitolbu lil Ġesù Nazzarenu, Sultan tal-Lhud li jkompli jsalvana bil-ħniena tiegħu. San Iljun il-Kbir, meta jrid ifakkar lill-Insara fuq id-dinjità tiegħu jgħidilhom: “Il-prezz tal-ħelsien tiegħek huwa d-demm ta’ Kristu”. Daqshekk inti dinjituż quddiem Alla, daqshekk inti għażiża quddiem il-Mulej. Il-prezz tal-salvazzjoni tiegħek huwa d-demm tal-Iben t’Alla, ta’ Ġesù Nazzarenu.

Għalhekk ma nistgħux naqtgħu qalbna mill-ħniena t’Alla li ħelisna bid-demm għażiż ta’ Ibnu. M’hemm l-ebda dnub li ma jinħafirx bil-qawwa tad-demm ta’ Kristu. M’hemm l-ebda ħjiel ta’ ndiema li l-Mulej ma jaqbadtx mill-ewwel u jitfagħha fl-abiss kbir tal-imħabba u l-ħniena li qiegħed fil-qalb tal-Mulej: qalb minfuda għalina li minnha ħarġu demm u ilma, u kif jgħanni l-poeta Dun Karm:

L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna
meta b’daqqa ta’ lanza nifduk.
Int għallimtna tan-niket il-hena;
int għallimtna fil-hemm inberkuk. (mill-Innu: Tina l-Ħlewwa).

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.