Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Il-ħniena taħfer u tinsa

Il-ħniena taħfer u tinsa


It-Tlieta 1 ta’ Marzu, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Il-Papa Franġisku dalgħodu ċċelebra l-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Fil-kummenti tiegħu dwar il-qari tal-ġurnata l-Papa qal li r-Randan hu żmien privileġġjat li fih inħejju ruħna għal-laqgħa mal-Mulej billi nħejju qlubna biex nirċievu l-maħfra mingħand Alla u naħfru lill-proxxmu tagħna.

 

Pietru staqsa lil Ġesù kemm-il darba għandna naħfru. Ġesù wieġbu għal sebgħa u sebgħin darba.

Fl-ewwel qari, Ażarija jkun ikkundannat għall-mewt għax jirrifjuta li jqim idolu u minn ġon-nar jitlob il-ħniena t’Alla għall-poplu u għalih innifsu.

It-talba ta’ Ażarija, qal il-Papa, hija eżempju ta’ kif aħna għandu jkollna fiduċja fit-tjieba u l-ħniena tal-Mulej.

Meta Alla jaħfer, il-maħfra tiegħu hi tant kbira li Hu bħal jinsa. Il-maqlub ta’ dak li nagħmlu aħna. Sa mill-qedem, tul l-istorja sal-lum, dejjem niftakru x’għamel dak u l-ieħor għax f’qalbna m’għandniex ħniena.

It-talba ta’ Ażarija hi appell għall-ħniena t’Alla biex Hu jtina l-maħfra u s-salvazzjoni u jinsa ħtijietna.

Fis-silta tal-Vanġelu, Ġesù jispjega lil Pietru li għandna naħfru dejjem u jirrakkuntalu l-istorja taż-żewġ qaddejja li kellhom id-dejn. L-ewwel wieħed jaqla’ l-maħfra mingħand sidu minkejja li kellu jagħtih somma kbira, imma hu stess ma wera ebda ħniena ma’ min kien midjun miegħu ferm anqas.

Fil-Missierna aħna ngħidu: ‘Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina,’ kompla jgħid il-Papa Franġisku. Iż-żewġ affarijiet imorru flimkien. Jekk int m’għandekx ħila taħfer, kif se jaħfirlek il-Missier? Hu jrid jaħfirlek imma mhux se jagħmel hekk ladarba qalbek hi magħluqa u fiha ma tistax tidħol il-ħniena.

‘Jien naħfer, imma ma nistax ninsa…’ Tajjeb, itlob ‘l Alla jgħinek tinsa. Aħna naħfru imma mhux dejjem ninsew. Kultant, meta ngħidu, ‘Jien naħfirlek,’ inkunu nifhmu: ‘Tpattiha aktar ‘il quddiem.’ Qatt m’għandu jkun hekk. Għandna naħfru bħalma jaħfer Alla – maħfra sħiħa.

Franġisku kompla jgħid li l-ħniena, il-kompassjoni, il-maħfra huma divini u fakkar li maħfra sinċiera u sħiħa mogħtija jew milqugħa hi dejjem att ta’ grazzja divina. Jalla r-Randan iħejjina biex nirċievu l-maħfra t’Alla. Imma ejjew nirċevuha u nagħmlu l-istess aħna ma’ ħaddieħor, minn qalbna. Forsi jkun hemm min mhux se jsellimli aktar meta jarani fit-triq, imma jien inkun ħfirtlu f’qalbi.

B’hekk aħna nersqu dejjem aktar lejn din il-ħaġa tant kbira, tant divina: il-ħniena. Għax meta naħfru, inkunu niftħu qalbna biex tidħol fiha l-ħniena t’Alla u taħfrilna. Aħna lkoll neħtieġu l-maħfra, għandna bżonn nitolbu l-maħfra. Ejjew naħfru u jinħafer lilna. Ejjew nuru ħniena mal-oħrajn u nħossu fuqna l-ħniena t’Alla li, meta jaħfer, jinsa wkoll.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: