Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia
IT-TLIETA TAT-TIELET ĠIMGĦA
Lq 18,21-25 – Dan 3,25.34-43
“Twarrab qatt minna, Mulej, il-grazzja tiegħek, li biha nagħtu ruħna għas-servizz imqaddes tiegħek u naqilgħu dejjem l-għajnuna tas-sema.”
[It-talba tallum twaqqafna fl-istazzjon tal-bażilika ta’ “San Marco al Campidoglio” li tinsab f’riġlejn l-għolja “Capitolina” – l-akropoli ta’ Ruma imperjali. Dil-knisja kellha l-bidu tagħha f’nofs is-seklu IV u mbagħad inbniet kemm-il darba b’devozzjoni lejn l-Evanġelista, dixxiplu ta’ l-appostlu Pietru, l-ewwel isqof ta’ Ruma.]
Kull talba, bħalma hi t-talba li l-Knisja tagħmel illum, hi talba għall-grazzja t’Alla. Xi grazzja hi din li, taħt xi forma jew oħra, nitolbu lil Alla ta’ kuljum, imma l-aktar f’daż-żmien tar-Randan? Hija l-ħarsa ħanina tiegħu fuqna. Hija l-azzjoni purifikanti tiegħu fina. Hija x-xrara tad-divinita’ tiegħu li tqaddisna, jiġifieri li tagħmilna nixbħuh u ddaħħalna f’ħajtu.
It-talba għall-grazzja t’Alla nagħmluha għax sewwasew niddependu minnha biex niġu milqugħin fil-ħajja ta’ Alla u konsegwentament biex inkunu nistgħu nagħtu lil Alla “s-servizz imqaddes” li jogħġbu.
Aħna nafu li meta fina ma kellna ebda grazzja, Alla ħa grazzja magħna u tana lil ibnu Ġesu biex jiġi u jagħti lilu nnifsu lilna bħala t-triq li twassalna fis-sema. Li nimxu dit-triq ta’ wlied mogħġuba t’Alla jiddependi totalment mill-grazzja, jiġifieri mill-“għajnuna tas-sema” li llum, bħal kull jum, nitolbuh.