Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia
L-ERBGĦA TAT-TIELET ĠIMGĦA
Mt 5,17-19 – Dewt 4,1.5-9
“Agħtina, Mulej, li bil-ħarsien tar-Randan nikbru fl-għerf, u li nitgħixu bl-ikel tal-kelma tiegħek, biex nagħrfu nitrażżnu b’ħajja qaddisa, ningħataw lilek b’qalbna kollha, u nkunu dejjem magħqudin qalb waħda fit-talb.”
[Bħallum, tradizzjonalment, il-Knisja lokali f’Ruma kienet torbot it-talb tar-Randan tagħha mal-bażilika ta’ San Sistu II, Papa u Martri, ħdejn il-katakombi ta’ San Kallistu fil-Via Appia. Dil-knisja, fundata fil-bidu tas-seklu 5, hija wiefa sewwasew fejn San Sistu kien martirizzat flimkien ma’ erba’ djakni u midfun. L-arċidjaknu tiegħu Lorenzo inqatel erbagħt ijiem wara.]
Illum nitolbu mal-Knisja sabiex is-smigħ tal-Kelma t’Alla, ir-rażan tal-ġisem u l-impenn fit-talb jagħtuna l-grazzja li nikbru fl-għerf ta’ Alla, fil-ħajja sħiħa fi Kristu u fl-għaqda ta’ bejnietna fl-Ispirtu s-Santu.
Illum il-Knisja tridna niftakru mill-ġdid fl-għemejjel li jqaddsuna kif ukoll fil-frott qaddis li għandna nistennew minnhom. Dan il-frott hu l-għerf t’Alla li jiġi mis-smigħ tal-Kelma, il-liberta’ spiritwali li tiġi mill-ħakma fuqna nfusna u l-għaqda ma’ Ġesù u bejnietna li tiġi mill-ħajja tat-talb.
Dawn it-tliet doni, jiġifieri l-għerf ta’ Alla, il-liberta’ spiritwali u l-għaqda ma’ Kristu huma doni li neħtieġu għall-ġid tagħna nfusna u anki biex bihom nagħarfu nkunu ta’ ġid għall-oħrajn.