Patri Mario Attard OFM Cap
Dan l-aħħar instabet ittra interessanti fi Knisja. Ittra miktuba lis-saċerdot. Ikun min ikun. Jiena kelli x-xorti naqraha. Jidher ċar li min kitibha huwa tifel\tifla. Il-kaligrafija u l-età jitħaddtu waħedhom.
F’din l-ittra kien hemm miktub hekk: “Father, itlob għal min hu fil-bżonn. Aħfer lil min għandu bżonn maħfra. Itlob lil Ġesù biex ineħħi l-mistħija minn nies li jistħu jiġu iqerru biex ma jħallux il-mistħija li jiżralhom ix-xitan tbegħedhom mill-maħfra ta’ Ġesù. Grazzi”. Imbagħad kien hemm l-isem u l-età. Fuq in-naħa ta’ barra tal-karta kien hemm miktuba l-kelma ITTRA u tbissima.
Meta qrajtha din l-ittra daħlet f’qalbi. Apprezzajtha immens l-għaliex turi kemm din il-persuna ċkejkna għandha sens. Taf tirrifletti. Tħoss il-polz tal-poplu ta’ Alla. Taf x’tistenna minna s-saċerdoti. “Itlob għal min hu fil-bżonn”. Hekk bdietha. Jiġifieri, Patri itlob għal min qed ibati!
Hawnhekk ġiet f’qalbi l-omelija li Papa Franġisku għamel nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Jannar 2016 f’Casa Santa Marta. Il-kuntest tal-omelija kien id-dmir tal-Isqof li jitlob u jħabbar il-qamwien mill-imwiet ta’ Ġesù. Jekk Isqof ma jitlobx u ma jħabbarx il-vanġelu imma moħħu f’affarijiet oħra l-Poplu ta’ Alla jbati. Kemm dan il-kliem narah jgħodd, l-ewwel u qabel kollox, għalina s-saċerdoti. Mela għalija l-ewwel wieħed!
“L-ewwel dmir tal-Isqof [tas-saċerdot] huwa li jkun ma’ Ġesù fit-talb. L-ewwel xogħol tal-Isqof [tas-saċerdot] m’huwiex li jħejji l-pjanijiet pastorali … Le, le! It-talb: Dan hu l-ewwel dmir. It-tieni dmir huwa li jkun xhud tal-vanġelu, jiġifieri li jħabbru. Li jħabbar is-salvazzjoni li l-Mulej Ġesù ġab. Żewġ biċċiet xogħol li m’humiex faċli imma huma preċiżament dawn iż-żewġ xogħlijiet li huma l-kolonni b’saħħithom tal-Knisja. Jekk dawn il-kolonni jiddgħajfu l-għaliex l-Isqof [is-saċerdot] ma jitlobx jew jitlob ftit, jinsa’ jitlob; jew l-għaliex l-Isqof [is-saċerdot] ma jwassalx l-Vanġelu u minflok jieħu ħsieb affarijiet oħra, il-Knisja wkoll tiddgħajjef. Tbati. Il-Poplu ta’ Alla ibati. L-għaliex il-kolonni huma dgħajfa. Il-Knisja mingħajr l-Isqof [is-saċerdot] ma taħdimx. Għalhekk għandna nitolbu għall-Isqfijiet [is-saċerdoti] tagħna bħala obligazzjoni tal-imħabba, obbligazzjoni tal-ulied f’qima lejn il-Missier, bħala obbligazzjoni tal-aħwa ħalli l-familja tibqa’ maqgħuda fix-xhieda tagħha ta’ Ġesù Kristu, li jgħix u qam minn bejn l-imwiet”.
It-tieni aspett li din l-ittra huwa dan: Patri, aħfer lil min jiġi iqerr għandek! Dan il-punt fakkarni fid-diskors li Papa Franġisku għamel meta iltaqa’ mal-Missjunarji tal-Ħniena nhar it-Tlieta 9 ta’ Frar 2016 fis-Sala Regia.
“Meta nidħlu fil-konfessjonarju, dejjem għandna niftakru li hu Kristu li qed jilqa’, hu Kristu li jisma’, hu Kristu li jaħfer, u Kristu li jagħti s-sliem. Aħna l-ministri tiegħu; u l-ewwel u qabel kulħadd għandna dejjem bżonn li niġu maħfura Minnu. Għalhekk, ikun xi jkun id-dnub mistqarr – jew li l-persuna ma tindenjax tlissen, imma tagħtina x’nifhmu, għax biżżejjed – kull missjunarju hu msejjaħ jiftakar fl-istess ħajja tiegħu ta’ midneb u umilment iservi ta’ ‘kanal’ tal-ħniena ta’ Alla. U nistqarrilkom fraternament li għalija hi għajn ta’ ferħ it-tifkira ta’ dik il-Qrara tal-21 ta’ Settembru 1953, li tat orjentament ġdid lil ħajti. X’qalli s-saċerdot? Ma niftakarx. Niftakar biss li tbissimli u mbagħad ma nafx x’ġara iżjed. Imma rridu nilqgħu bħal missier…”
L-aħħar punt li din l-ittra speċjali issemmi hija l-mistħija tal-penitent. Fl-istess diskors Papa Franġisku jgħid hekk: “M’huwiex faċli tersaq quddiem bniedem ieħor, anki jekk taf li qed jirrappreżenta lil Alla, biex tistqarrlu dnubek. Tħoss il-mistħija kemm għal dak li għamilt, u kemm għax trid tistqarru lil ħaddieħor. Il-mistħija hi sentiment intimu li jaffettwa l-ħajja personali u jitlob min-naħa tal-konfessur atteġġjament ta’ rispett u inkuraġġiment. Tant drabi l-mistħija timmutak u… Il-ġest, il-lingwaġġ tal-ġest”.
Għalhekk il-Papa jagħtina dan il-parir bħala konfessuri: “Xi xhur ilu kont qed nitkellem ma’ kardinal għaref tal-Kurja Rumana fuq il-mistoqsijiet li xi saċerdoti jagħmlu fil-Qrar u hu qalli: ‘Meta persuna tibda u jien nara li tixtieq tobżoq xi ħaġa, u nintebaħ u nifhem, ngħidilha: Fhimtek! Serraħ rasek!’. U mexxi. Dak missier!”
Grazzi għażiż\a tal-ittra tiegħek. Itlob għalina l-Fathers ħa nkunu tassew missirijiet!