Ir-rabja

Print Friendly, PDF & Email

Patri Mario Attard OFM Cap

Ġieli telegħulhekk? U, f’xi mumenti, għedt kulma ġie f’ilsienek? Kemm iddispjaċiek wara hux!

Ir-rabja. Imma issa ħa nirraġunaw naqra sieħbi! Ir-rabja mhux dejjem dnub tafx! Teżiżti tip ta’ rabja li l-Bibbja tapprova. Jiġifieri dik l-għamla ta’ rabja li nsejħulha “rabja qaddisa”. Il-Mulej jirrabja (ara Salm 7:11; Mk 3:5). L-Insara ukoll jkollhom ċerti mumenti fejn jinkurlaw (ara Efesin 4:26). Hemm żewġ kelmiet fit-Testment il-Ġdid li jistgħu jinqallbu bħala “rabja”. Waħda minnhom tfisser “passjoni, enerġija.” L-oħra tfisser “aġitat/a, j/tagħli”. Fis-sens Bibbliku r-rabja hija enerġija ġejja mill-Mulej bil-għan li tgħinna nsolvu l-problemi li jkollna. Xi eżempji ta’ rabja bibblika huma, bħal ngħid aħna, meta David irrabja bil-kbir meta sema’ lill-profeta Natan jaqsam miegħu l-inġustizzja li wettaq is-sinjur li “ħa l-ħarufa ta’ dak l-imsejken raġel, u [ħejjieha bħala] ikel għal dak li kien ġie għandu” (2 Samwel 12:4). U kif nistgħu ma niftakkrux fir-rabja ta’ Ġesù dwar kif xi wħud mill-Lhud niġġsu l-qima lejn il-Mulej fit-tempju ta’ Ġerusalemm (ara Ġw 2:13-18). Iżda hemm ħaġa tassew kurjuża f’dawn iż-żewġ eżempji! Il-persuna li irrabbjat qatt ma iddefendiet lilha innifisha. Minflok iddefendiet lill-oħrajn jew inkella xi prinċipju. 

Ir-rabja trid twarrbilha u għalhekk issir dnub meta tiġi misjuqa mill-kburija (ara Ġak 1:20). Inkella meta ma tkunx produttiva u tħawwad il-pjaniet tal-Mulej (ara 1 Kor 10:31). Meta titħalla fit-tul ir-rabja tkisser (ara Efes 4:26-27)! Ir-rabja issir ħażen meta minflok li wieħed jattakka l-problema jattakka l-persuna. F’Efesin 4:15-19 insibu li għandna ngħidu l-verità fl-imħabba u nużaw kliemna biex nibnu u mhux biex inkissru lill-oħrajn bil-kliem li ngħidulhom! L-għaliex waqa’ fid-dnub il-bniedem ilsienu velenu (ara Rum 3:13-14). Ir-rabja issir dnub meta titħalla tikber mingħajr rażan ta’ xejn. Huwa hawn li l-weġgħat joktru (ara Prov 29:11)! Xi kultant il-konsegwenzi li jsiru minħabba n-nuqqas ta’ sabar huma irreparabbli. Ir-rabja issir ħażen meta wieħed jirrifjuta li jirrikonċilja ruħu, iżomm f’qalbu jew iżomm ġo fih (ara Efes 4:26-27). Ir-rabja tista’ tikkawża dipressjoni u irritabilità fuq l-aktar affarijiet ċkejkna li spiss ma jkollhomx x’jaqsmu mal-problema prinċipali.

Biex insolvu l-problema tar-rabja huwa mportanti l-ewwel nett li nirrikorru għas-sagrament tal-Qrar. Il-grazzja qawwija ta’ dan is-sagrament lir-rabja iddgħajjifha bil-bosta. Tajjeb ukoll li npattu bil-ġid għad-deni li nirċievu (ara Ġen 50:21; Rum 12:21). B’hekk inbiddlu r-rabja li jkollna f’imħabba. Bħalma l-għemejjel tagħna joħorġu minn qlubna daqstant ieħor qlubna jistgħu jinbidlu bl-għemejjel tagħna (ara Mt 5:43-48). Aħna nistgħu nibdlu s-sentimenti tagħna lejn xi ħadd billi nibdlu kif nagħżlu li naġixxu lejn dik il-persuna.

Biex ir-rabja infejquha jeħtieġ li nikkomumunikawha. L-ewwel, ejjew inkunu onesti u miftuħa (ara Efes 4:15, 25). In-nies ma jistgħux jaqrawlna moħħna! Irridu nitħaddtu r-rabja li għandna bil-verità u bl-imħabba. It-tieni, ngħixu f’għaqda ma dak li qed jiġri (ara Efes 4:26-27). Ma nistgħux inħallu dak li qed idejjaqna jinġama’ sakemm nisplodu. It-tielet, nattakkaw il-problema mhux il-persuna (ara Efes 4:29, 31). Ejjew niftakru fl-importanza li nżommu l-volum tal-ilħna tagħna baxxi (Prov 15:1). Fl-aħħar nett, naġixxu imma mhux nirrejaġixxu (ara Efes 4:31-32). Minħabba li l-ewwel impuls tagħna huwa midneb (ara Efes 4:31) il-ħin li nqattgħu biex “ngħoddu sal-għaxra” għandu nitolbu ħa nisimgħu t-tweġiba li l-Mulej iridna nagħtu f’dik iċ-ċirkustanza (ara Efes 4:32). Ejjew infakkru lilna infusna kemm l-enerġija li r-rabja tipproduċi għandha nużawha biex biha insolvu u mhux noħolqu problemi akbar f’ħajjitna u fil-ħajja ta’ ħaddieħor!

Nistgħu anki niddiljaw mar-rabja tagħna billi minn qabel niddixxernu (1 Kor 2:15-16; Mt 10:16) u ma “ [n]ixħtux il-ġawhar [tagħna] quddiem il-ħnieżer” (Mt 7:6). Xi minn daqqiet ir-rabja tagħna tgħinna nagħrfu li xi persuni m’humiex ta’ min jafdahom. Għandna naħfrulhom imma aħjar jekk inżommu pass lura magħhom.

Mulej illum irrid nagħtik ir-rabja tiegħi u grazzi li se tagħtini l-paċi tiegħek! Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading