Nagħrfu li aħna midinbin biex nilqgħu l-ħniena t’Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis 3 ta’ Marzu, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku tkellem dwar l-infedeltà tal-poplu u qal li din tintrebaħ biss jekk aħna nagħrfu li aħna midinbin u b’hekk nibdew mixja ta’ konverżjoni.

 

Fil-qari tal-lum, beda jgħid Franġisku, nistgħu naraw il-fedeltà tal-Mulej lejn il-poplu tiegħu u l-fedeltà falluta tal-poplu tiegħu.

Fil-Ktieb ta’ Ġeremija jidher ċar li Alla hu dejjem fidil għax ma jistax jiċħad lilu nnifsu, filwaqt li l-poplu ma jagħtix widen għall-Kelma tiegħu.

Għalhekk, Ġeremija jirrakkuntalna x’għamel Alla biex jerġa’ jikseb għalih il-qlub tal-poplu. Imma l-poplu jibqa’ jwebbes rasu fl-infedeltà. Din l-infedeltà tal-poplu t’Alla, wissa l-Papa, u li hija l-infedeltà tagħna wkoll, twebbes il-qalb, tagħlaqha: ma tħallihiex miftuħa għall-Kelma tal-Mulej li, bħala missier li jħobb, jitlobna dejjem biex inkunu miftuħin għall-ħniena tiegħu u għal imħabbtu.

Fis-salm tlabna flimkien: ‘Isimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom!’ Hekk ikellimna dejjem il-Mulej, bit-tenerezza ta’ missier jgħidilna: ‘Erġgħu duru lejja b’qalbkom kollha għax jien ħanin u qalbi tajba.’ Imma meta l-qalb tkun iebsa, din l-istedina ma nifhmuhiex. Il-ħniena t’Alla nifhmuha biss meta jkollna ħila niftħu qalbna, ħalli jidħol Hu.

Il-qalb tibbies – tenna l-Papa – u naraw l-istess storja fil-Vanġelu ta’ Luqa fejn naraw li Ġesù kien konfrontat minn dawk li kienu studjaw l-Iskrittura, l-imgħallmin tal-liġi li kienu jafu t-teoloġija, imma kienu magħluqin għal kollox. Filwaqt li l-folla kienet mistagħġba, kellha l-fidi f’Ġesù! Kellha qalbha miftuħa: imperfetta, midinba, imma qalb miftuħa.

Imma dawn it-teologi, żied jgħid il-Papa, kellhom atteġġjament ta’ għeluq! Kienu dejjem ifittxu spjegazzjoni, basta ma jifhmux il-messaġġ ta’ Ġesù! Kienu jitolbuh sinjal mis-sema. Dejjem magħluqin! Għalihom, kien Ġesù li kellu jiġġustifika dak li kien qiegħed jagħmel.

Din hi l-istorja, l-istorja ta’ fedeltà falluta, l-istorja tal-qlub magħluqa li ma jħallux il-ħniena t’Alla tidħol fihom, li tilfu t-tifsira tal-kelma ‘maħfra’. Aħfirli Mulej! Dawn kienu hekk għax ma kinux iħossu li huma midinbin: kienu jħossuhom biss imħallfin tal-oħrajn.

Hija storja twila sekli sħaħ. U din il-fedeltà falluta Ġesù jispjegaha bi kliem ċar ħafna biex b’hekk jagħlaq ħalq it-tpaċpiċ ta’ dawn l-ipokriti: ‘Min mhux miegħi hu kontra tiegħi.’ Ċara din! Jew inti fidil, b’qalbek miftuħa għal Alla li hu fidil, jew int kontrieh. Min mhux miegħi hu kontra tiegħi!

Imma t-triq tan-nofs hija possibbli?, staqsa l-Papa. Iva, żied jgħid, hemm minn fejn toħroġ: mur qerr għax int midneb. U jekk inti tgħid, ‘Jiena midneb,’ qalbek tinfetaħ u tidħol fiha l-ħniena t’Alla u tibda tkun fidil.

Nitolbu l-Mulej itina l-grazzja tal-fedeltà, temm il-Papa. U l-ewwel pass fit-triq tal-fedeltà hu li inti tagħraf li inti midneb. Jekk int ma tħossx li inti midneb, bdejt ħażin. Nitolbu l-grazzja li qalbna ma tibbiesx, li tkun miftuħa għall-ħniena t’Alla u għall-grazzja tal-fedeltà. Nitolbu l-grazzja li aħna, infidili, nitolbu maħfra.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: