Il-Wieħed u Għoxrin Jum tar-Randan


Minn Monsinjur Ġużeppi Farrugia

IL-ĠIMGĦA TAT-TIELET ĠIMGĦA

Mk 12,28b-34 –Hos 14,2-10

“Fit-tjieba tiegħek, Mulej, sawwab fi qlubna l-grazzja tiegħek, biex tgħinna nrażżnu l-ġibda tagħna għall-ħażen u tqawwina biex inħarsu l-kmandamenti tiegħek.”

[It-talba tallum tidwi fil-knisja ta’ “San Lorenzo in Lucina”, bażilika tal-bidu tas-seklu 5 ddedikata lil San Lawrenz u mibnija fuq art ta’ sinjura Rumana li kien jisimha Luċina. Ningħaqdu fit-tifkira tal-bosta Nsara Rumani li, flimkien mal-Papa, bħallum kienu jqaddsu r-Randan bit-talb li kienu jagħmlu f’din il-knisja.]

Mill-ġdid, illum, il-Knisja titlob il-grazzja tal-qawwa kontra “l-ġibda għall-ħażen” li hemm fina. Bil-Magħmudija nitnaddfu mid-dnub tan-nisel imma ma neħilsux mid-għufija tal-ħsara fin-natura tagħna. Bid-dnubiet personali li jkomplu jdgħajfuna, il-ġibda tal-ħażen tissaħħaħ u nirbħu fuqha biss bl-għaqda fiduċjuża ma’ Alla fit-talba u bit-tgħakkis deliberat tal-ġisem.

Quddiemna għandna żewġ “allat”. Jekk irridu naqdu lil Alla veru, jiġifieri dak Alla li jħobbna u jrid jisqina bil-ħajja tiegħu, irridu nirrinunzjaw għal kull alla ieħor li noħolqu għall-konvenjenza tagħna. Naqdu lil Alla veru billi nobdu l-kmandamenti tiegħu, ewlieni fosthom dak tal-imħabba tiegħu u tal-proxxmu.

Ir-Randan hu ż-żmien li fih nitgħallmu nrażżnu fina l-ġibdiet tal-art u nħarrġu ruħna għall-ġibda tas-sema, jiġifieri fix-xewqa ta’ Alla u tar-rieda tiegħu.