Bħal Moscati


Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar affaxxinajt ruħi nidħol fuq YOU TUBE, nikteb Giuseppe Moscati film, u nissaħħar fuq il-preżenza ħajja ta’ Ġesù Kristu fil-ħajja medika ta’ Dottor Giuseppe Moscati. Illum ngħidulu San Giuseppe Moscati!

Giuseppe twieled nhar il-25 ta’ Lulju 1880 minn familja aristokratika Naplitana. Kien is-seba’ wild minn disa’ ulied. Missieru, Francesco Moscati, kien avukat u aktar tard laħaq maġistrat. Francesco kienet l-għaxqa tiegħu jgħin fil-quddiesa. Mela ma jfissirx li għax tilħaq għandek tabbanduna l-fidi! Omm Giuseppe, Rosa de Luca dei Marchesi, wkoll kienet ġejja minn familja nobbli Taljana. Meta kellu 4 snin Giuseppe għamel l-ewwel tqarbina. Giuseppe irċieva s-Sagrament tal-Konfermazzjoni fl-età ta’ 10 snin. Fl-1897 daħal jistudja l-mediċina fl-Università ta’ Napli minfejn irċieva d-dottorat tiegħu fil-mediċina fl-1903.

Moscati ħadem u amministra l-Isptar tal-Inkurabbli f’Napli. Sadanittant huwa baqa’ jistudja u jirriċerka fil-mediċina. Dottor Moscati kien wieħed mill-ewlenin xjenzati li esperimenta l-użu tal-insulina għad-dijabete. Ix-xogħol tiegħu ta’ tabib, riċerkatur u amministratur tal-isptarijiet u soċjetajiet mediċi aktar ressquh lejn is-sodda tal-marid. Moscati kien tabilħaqq strumentali biex titwaqqaf il-kolera f’Napli. Barra minhekk insibuh minn ta’ quddiem nett fil-pjanijiet u fl-għajnuna biex jiġu evakwati persuni li ħajjithom kienet mhedda serjament mill-iżbruffar tal-Vessuvju li seħħ nhar it-8 t’April 1906.

Giuseppe kien tassew ġentlom mal-pazzjenti foqra. Mhux biss kien jinvistahom mingħajr ma joħdilhom sold talli kien jagħtihom il-mediċina b’xejn u kif ukoll kien jitfa’ karta ta’ 50 Lire mal-preskrizzjoni bħala karità. Il-ħajja qaddisa ta’ Moscati kienet bħal xemgħa mixgħula għas-servizz kontinwu tal-morda, l-aktar ta’ dawk li ma kellhomx minn fejn iħallsu. Mhux ta’ b’xejn li San Ġwann Pawlu II ikkanonizzah lejn l-aħħar jiem tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Lajċi li kien seħħ bejn l-1 sat-30 t’Ottubru 1987 fil-Vatikan. B’din il-kanonizzazzjoni l-Papa ried iwassal il-messaġġ li Giuseppe Moscati, lajk, ħadem fil-Knisja u fid-dinja. Il-kanonizzazzjoni tiegħu hija ta’ inkuraġġiment kbir għar-riċerkaturi, għat-tobba u għall-istudenti tal-mediċina li fakkruh bħala x-xjentist u t-tabib li dejjem għaddej jikkura lin-nies li qed ibatu u li, permezz tal-ministeru mediku tiegħu, jagħtihom lil Ġesù Kristu.

Parir li Dottor Moscati kien iħobb jagħti lir-ruxxmata studenti tal-mediċina li kien jgħallem kien dan:

“Ftakkru li, waqt li qiegħdin issegwu l-mediċina, intom għandkom responsabbiltà kbira ta’ missjoni l-aktar għolja. Bil-Mulej f’qalbkom u bit-tagħlim ta’ missirijietkom u ommijietkom f’moħħkom, ipperseveraw fl-imħabba u fl-għożża lejn il-pazzjenti foqra, b’fidi u entużjażmu. B’widnejkom magħluqa għat-tifħir u għall-kritika, b’wiċċ imqarras lejn l-għira, disposti biss biex tagħmlu l-ġid”. Tgħid dan il-parir ta’ Dottor Moscati ma jgħoddx għalik għażiż tabib u għażiża tabiba?

Nixtieq nieħu din l-opportunta biex insellem u nirringrazzja minn qalbi lit-tobba, tal-imgħoddi u dawk ta’ issa, li jissallbu għall-pazzjenti tagħna. Dawk it-tobba li ma jħokkux idejhom għall-mijiet tal-ewros li se jimpalaw minn fuq dahar il-pazzjenti imma lesti li jaqduhom minn qalbhom. L-attitudni umli u mimlija tjubija ta’ dawn it-tobba tikxifhom li huma nies ta’ Alla. Qaddisin. L-ispirtu tagħhom jikxifhom li huma angli tal-paċi u tal-ħajja u mhux gaffef bla qalb tal-impalar bla ħniena tal-flus minn dawk li ma jifilħux iħallsu. Huma dawn il-veru tobba li jagħmlu unur lix-xjenza medika. U minn dawn għall-grazzja ta’ Alla għad fadal u jalla n-numru tagħhom jikber aktar!

Bħal Moscati! Li għex biss 47 sena. Imma x’ħajja dik!… Dak tabib!