Katekeżi Ħniena, Papa Franġisku

Ħniena u Qadi


3. Katekeżi mill-Papa Franġisku waqt l-Udjenzi Straordinarji tal-Ġublew tal-Ħniena. 12 ta’ Marzu 2016.

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Qed noqorbu lejn il-festa ta’ l-Għid, il-misteru ewlieni tal-fidi tagħna. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni – kif smajna – jirrakkonta li qabel ma miet u qam mill-mewt għalina, Ġesù wettaq ġest li tnaqqax fil-memorja tad-dixxipli: il-ħasil tar-riġlejn.

Ġest li ma kinux qed jistennew u ħawwadhom, tant li Pietru ma riedx jaċċettah. Nixtieq nieqaf fuq l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù: “Tafu x’għamiltilkom? […] Jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (13:12,14). B’dan il-mod Ġesù juri lid-dixxipli tiegħu li l-qadi hu t-triq li jridu jimxu biex jgħixu l-fidi Fih u jagħtu xhieda ta’ mħabbtu. Ġesù stess applika għalih ix-xbieha tal-“Qaddej ta’ Jaħweh” li juża l-Profeta Isaija. Hu, li hu l-Mulej, isir qaddej!

Meta ħasel riġlejn l-Appostli, Ġesù ried juri kif Alla jimxi magħna, u jagħti l-eżempju tal-“kmandament ġdid” (Ġw 13:34) tiegħu li aħna għandna nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu, jiġifieri billi ta ħajtu għalina. L-istess Ġwanni dan jiktbu fl-Ewwel Ittra tiegħu: “B’dan naslu biex nagħrfu x’inhi l-imħabba: li Ġesù Kristu ta ħajtu għalina. Aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa. […] Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (3:16,18).

Mela l-imħabba hi meta konkretement naqdu lil xulxin. L-imħabba m’hix kliem, hi għemil u qadi; qadi umli, magħmul fis-skiet u fil-moħbi, kif qal Ġesù nnifsu: “idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija” (Mt 6:3). Biex naqdu, irridu nqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ l-oħrajn id-doni li l-Ispirtu s-Santu sawwab fuqna, biex il-komunità kollha tista’ tikber (ara 1 Kor 12:4-11). Barra minn hekk, il-qadi nesprimuh fil-qsim tal-ġid materjali, biex ħadd ma jibqa’ fil-bżonn. Dan tal-qsim u ta’ l-għotja għal min hu fil-bżonn hu stil ta’ ħajja li Alla jissuġġerixxi wkoll lil ħafna li m’humiex Insara, bħala triq ta’ umanità awtentika.

Fl-aħħar nett, ma ninsewx li meta ħasel riġlejn id-dixxipli u talabhom jagħmlu l-istess, Ġesù stedinna wkoll nistqarru lil xulxin in-nuqqasijiet tagħna u nitolbu għal xulxin biex nagħrfu naħfru mill-qalb. F’dan is-sens, niftakru fi kliem l-Isqof qaddis Santu Wistin meta kiteb: “In-Nisrani m’għandux jibqa’ lura milli jagħmel dak li għamel Kristu. Għax meta l-ġisem jitbaxxa sa quddiem riġlejn ħuh, anki fil-qalb jitkebbes, jew jekk diġà jkun hemm, jisseddaq is-sentiment ta’ l-umiltà […] Naħfru lil xulxin il-ħtijiet tagħna u nitolbu għal xulxin minħabba fi ħtijietna u hekk b’xi mod inkunu naħslu riġlejn xulxin” (In Joh 58,4-5). L-imħabba, il-karità hi l-qadi, li ngħinu lil xulxin, naqdu lil xulxin. Hemm ħafna nies li jgħaddu ħajjithom hekk, fil-qadi ta’ l-oħrajn. Il-ġimgħa l-oħra rċivejt ittra minn għand persuna li rringrazzjatni ta’ din is-Sena tal-Ħniena; talbitni nitlob għaliha, biex tista’ tkun iktar qrib tal-Mulej. Il-ħajja ta’ din il-persuna tqattagħha tieħu ħsieb ta’ ommha u ta’ ħuha: ommha fis-sodda, anzjana, moħħha għadu ċar imma ma tistax tiċċaqlaq, u ħuha għandu diżabbiltà, fuq is-siġġu tar-roti. Din il-persuna, ħajjitha, hi qadi, il-ħin kollu tgħin. U din hi l-imħabba! Meta int tinsa lilek innifsek u taħseb fl-oħrajn, din hi l-imħabba! U bil-ħasil tar-riġlejn il-Mulej jgħallimna nkunu qaddejja, iżjed: qaddejja, kif Hu sar qaddej għalina, għal kull wieħed u waħda minna.

Għalhekk, għeżież ħuti, li nkunu ħanina bħall-Missier ifisser li nimxu wara Ġesù fit-triq tal-qadi. Grazzi.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s