It-Tnejn 14 ta’ Marzu, 2016. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku fakkar xi fatti drammatiċi li ġraw dan l-aħħar. Quddiem dawn il-‘widien mudlama’ ta’ żmienna, qal Franġisku, it-tweġiba waħdanija hi li nafdaw f’Alla anke meta ma nifhmux, għax Hu qatt ma jħalli lill-poplu tiegħu waħdu.
Żewġ imħallfin iħammġu lil Sużanna, mara tajba, minħabba x-xewqat ħżiena tagħhom. Hi tippreferi li tafda f’Alla u tagħżel li tmut pjuttost milli ċċedi għal dawn iż-żewġt irġiel.
Permezz ta’ din l-istorja mill-ktieb ta’ Danjel, il-Papa saħaq li anke meta nkunu għaddejjin minn xi wied mudlam, m’għandniex għalfejn nibżgħu li l-ħażen se jirbaħ fuqna.
Il-Mulej, qal il-Papa, jimxi dejjem magħna, iħobbna u ma jabbandunaniex. Minn dan il-ħsieb il-Papa dawwar ħarstu lejn il-‘widien mudlama’ ta’ żmienna.
Meta llum aħna naraw tant widien mudlama, tant diżgrazzji, tant nies imutu bil-ġuħ, minħabba l-gwerer, tant tfal diżabbli… tant u tant… Inti tistaqsi lill-ġenituri: ‘Biex inhu marid?’ U huma jweġbuk: ‘Ħadd ma jaf, hija marda rari.’ U dak li nġibu b’idejna. Niftakru fil-kanċer li qed jeqred tant nies fiż-żona Terra dei Fuochi (l-Italja)…. Meta tara dan kollu, tistaqsi: Imma fejn hu Alla: fejn int? Int timxi miegħi?
Dan kien dak li ħasset Sużanna u hu s-sentiment tagħna wkoll. Ara dawk l-erba’ sorijiet li nqatlu minħabba l-mibegħda! Meta tara li lir-rifuġjati jagħlqulhom il-bibien u jħalluhom barra, għall-arja, fil-ksieħ… Imma Mulej, fejn int?
Kif jista’ jkolli fiduċja fik, staqsa l-Papa, meta nara dan kollu? U meta jiġri xi ħaġa lili, kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu: Kif jista’ jkolli fiduċja fik?
Għal dil-mistoqsija hemm tweġiba waħda, żied jgħid Franġisku: ma nistgħux nispjegawh dan, jien m’għandix ħila nispjegah.
Għaliex it-tfal ibatu? Ma nafx, għalija hu misteru. Insib ftit dawl biss, mhux f’moħħi imma f’ruħi, mill-kliem ta’ Ġesù fil-Ġetsemani: ‘Missier biegħed minni dal-kalċi, imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid Int.’
Ġesù jaf li mhux kollox jispiċċa mal-mewt jew bl-inkwiet, u l-aħħar kelma minn fuq is-Salib tkun: ‘Missier nerħi ruħi f’idejk!’ U jmut hekk. Nafda f’Alla li jimxi miegħi, li jimxi mal-poplu tiegħu. Dan hu att ta’ fidi: jien għandi fiduċja. Ma nafx, ma nafx għaliex jiġri dan, imma jien għandi fiduċja. Int, Mulej, taf għaliex.
Dan hu t-tagħlim li jtina Ġesù, żied Franġisku. Ġesù jafda fil-Mulej li hu Ragħaj, u ma jonqos qatt. Anke jekk għaddej minn wied mudlam jaf li l-ħażen hu ħaġa tal-mument u l-ħażen definittiv ma jasalx, għax, ‘Int qiegħed miegħi, il-bastun tiegħek u l-għasluġ tiegħek iwennsuni.’
Din hi grazzja li għandna nitolbu għaliha, qal il-Papa: Mulej, għallimni nintelaq għal kollox f’idejk, nintelaq għat-tmexxija tiegħek, anke fil-waqtiet l-aktar koroh, fil-waqtiet mudlama, fil-waqt tal-mewt.
Illum jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar ħajjitna, dwar il-problemi li għandna, u nitolbu l-grazzja li nintelqu bil-fiduċja f’idejn Alla. Naħsbu f’tant nies li, fil-waqt tal-mewt tagħhom, lanqas għandhom min itihom l-aħħar tgħanniqa.
Tlett ijiem ilu, hawnhekk, fit-triq, miet wieħed raġel bla dar, miet bil-kesħa. F’nofs Ruma, belt li għandha l-possibiltajiet kollha biex tagħti l-għajnuna! Għaliex Mulej? Lanqas tmellisa… Imma jien nafda fik għax int ma tqarraqx bija.
Mulej, temm il-Papa, ma nifhmekx – din hi talba sabiħa – imma mingħajr ma nifhem xorta waħda nintelaq f’idejk.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija